Saturday, May 16, 2026

Scope Ratings jikkonfermaw rating A+ ta’ Malta b’outlook stabbli

Ċertifikat ieħor b’saħħtu għall-ekonomija Maltija

Aqra wkoll

L-aġenzija tar-ratings Ewropea, Scope Ratings ikkonfermat għal darba oħra r-rating ta’ Malta bħala A+, waqt li sostniet li dan ir-rating għandu outlook stabbli. Dan fl-istess żmien li din l-aġenzija tat downgrade jew negative outlook lil diversi pajjiżi taż-żona ewro, fosthom l-Awstrija, Franza u l-Finlandja. Tant li fl-istess jum li Malta ngħatat rating stabbli, dak tal-Polonja tbiddel għal negattiv.

L-esperti ta’ Scope Ratings sostnew li r-rating tajjeb ta’ pajjiżna huwa dovut għall-qagħda ekonomika tajba, li se twassal biex ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku se jibqa’ ferm aqwa minn dik tal-pajjiżi Ewropej l-oħra. Ir-rapport ta’ Scope Ratings isostni wkoll li d-dejn nazzjonali huwa baxx u li d-defiċit fiskali nieżel ġmielu.

L-esperti Ġermaniżi ddeskrivew l-ekonomija Maltija bħala “a dynamic, services-based economy” u bassru li t-tkabbir se jibqa’ b’saħħtu minkejja l-problemi ġeopolitiċi. Dan minħabba li d-domanda domestika se tibqa’ b’saħħitha, kif ukoll għax l-investiment pubbliku huwa mistenni li jkun qawwi. Fl-istess ħin it-turiżmu suppost jibqa’ jaċċellera, hekk kif Malta qed tattira ammont ta’ turisti li mhumiex imorru fil-Lvant Nofsani, fil-Golf Għarbi u f’Ċipru. Scope ratings innutaw ukoll kif l-ekonomija Maltija hija protetta mil-politika tal-Gvern Malti li jżomm l-prezz tal-enerġija stabbli. Dan filwaqt li jinnutaw li grazzi għal-Labour Migration Policy naqsu l-ammont ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu f’pajjiżna.

Fir-rapport tagħhom, Scope Ratings qalu li l-Gvern għandu rekord ta’ prudenza fiskali. Dan hekk kif id-defiċit tal-Gvern qed jonqos u l-piż tad-dejn nazzjonali huwa moderat. Grazzi għat-titjib qawwi fid-dħul, skont l-esperti internazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed toħroġ lil Malta mill-proċedura tad-defiċit eċċessiv. Skont Scope Ratings, il-qagħda tal-finanzi tal-Gvern se tkompli titjieb fiż-żmien li ġej, tant li l-piż tad-dejn mistenni jaqa’ għal 40% tal-ġid nazzjonali.

Ir-rapport jinnota wkoll kif il-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna jibqa’ ferm aħjar minn dak ta’ pajjiżi oħra. L-esperti jinnutaw il-viżjoni biex ikun hemm transizzjoni għal produzzjoni b’valur miżjud aqwa, fosthom b’inċentivi u skemi favur l-informatika, is-servizzi finanzjarji u l-ekonomija marittima. Barra minn hekk isemmu b’mod pożittiv il-pjanijiet tal-Gvern biex juża l-fondi Ewropej ħalli din it-transizzjoni tkun suċċess.

Ir-rapport ta’ Scope Ratings huwa ċertifikat ieħor pożittiv għal pajjiżna, fejn minkejja l-isfidi internazzjonali, pajjiżna qed ikompli jgawdi l-fiduċja ta’ esperti indipendenti u jgawdi minn tbassir pożittiv.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport