Il-Partit Laburista jilqa’ r-rating pożittiv tal-agenżija internazzjonali, Scope Ratings. Din l-aġenzija Ġermaniża għal darb’oħra tat ċertifikat A+ lil pajjiżna u sostniet li dan huwa rating li se jibqa’ stabbli minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali ta’ sfida. Ta’ min jinnota li fl-istess jum li Scope Ratings kkonfermat rating stabbli għal Malta, naqqset l-outlook tal-Polonja għal negattiv.
L-esperti internazzjonali attribwew d-deċiżjoni li jżommu l-istabbiltà għad-deċizjoni tal-Gvern Malti li jkun ta’ tarka għall-familji u negozji quddiem l-isfida taż-żieda qawwija fil-prezzijiet taż-żejt. Skont Scope Ratings pajjiżna se jibqa’ jikber b’rata ferm aqwa minn dik ta’ pajjiżi Ewropej oħra. Dan għaliex id-domanda domestika se tibqa’ ferm b’saħħitha, filwaqt li mistenni li jkompli jiżdied bil-qawwi t-turiżmu. L-istabbiltà ta’ pajjiżna se twassal biex persuni li qabel kienu se jsiefru għal btala fil-Lvant Nofsani, fil-Golf Għarbi u Ċipru, issa se jkunu qed jiġu għal btata f’Malta.
Ir-rapport ta’ Scope Ratings isostni li l-Gvern Malti għandu track record ta’ prudenza fiskali. Id-defiċit tal-Gvern mistenni jkompli jonqos u l-piż tad-dejn se jaqa’ għal 40% tal-ġid nazzjonali. Dan minkejja li hu antiċipat li se jiżdied bil-qawwi l-investiment pubbliku filwaqt li se jibqgħu s-sussidji.
Gvern Laburista huwa garanzija ta’ stabbiltà u suċċess. Fi żmien tant diffiċli, huwa biss Gvern Laburista li jista’ jżomm li l-ekonomija tagħna tibqa’ għaddejja b’rata b’saħħitha u li twassal għal titjib fil-wellbeing tal-familji tagħna.
Il-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Int Malta’ fih għexieren ta’ miżuri li permezz tagħhom se niksbu prosperità ġdida. Se nkunu magħkom f’kull pass biex ikollkom ħajja eħfef, isbaħ u aħjar.

