Thursday, April 25, 2024

Il-Ministru għall-Finanzi jħabbar li se jerġgħu joħorġu l-bonds 62+

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar li se jerġgħu joħorġu l-bonds għall-anzjani ta’ 62 sena jew aktar, magħrufa bħala 62+ Government Saving Bonds.

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit li saret l-Erbgħa filgħaxija, f’dan ir-rigward Caruana ħabbar li minn għada n-nies, dawk li diġà huma bond holders, se jibdew jirċievu l-applikazzjonijiet għaliex fiż-żmien li ġej il-Gvern se jkun qed jerġa’ joħroġ dawn il-bonds fejn se jkunu allokati sa massimu ta’ €100 miljun. Permezz ta’ din l-iskema l-pensjonanti se jitħallsu bir-rata ta’ 3% għal total ta’ ħames snin bil-pagament jitħallas kull sitt xhur. 

Qal li l-applikazzjonijiet se jkunu qed jagħlqu fl-4 ta’ Ottubru u kulħadd jista’ jixtri minimu ta’ €500 jew massimu ta’ €10,000. Qal li se jagħtu prijorità lil dawk li qatt ma xtraw il-bonds biex anke huma jibbenefikaw minnhom u ma eskludix li ‘l quddiem jerġgħu jagħmlu sejħa oħra. 

Matul din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni bosta kienu dawk it-temi li ġew diskussi fosthom il-pensjonijiet, ix-xogħol, il-kwistjoni tat-taxxa, il-COLA u l-housing.

Dwar il-pensjonijiet, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li jekk hemm xi ħaġa li dan il-gvern għamel minn baġit għall-ieħor kien proprju li dejjem wieżnu lill-pensjonanti.

Qal li kif ħabbar proprju l-Prim Ministru Robert Abela nhar it-Tnejn li għadda, minkejja l-isfidi kollha tal-pandemija xorta waħda fi żmien 19-il ġurnata oħra, għal darb’oħra se jkunu qed iħabbru żiediet u ħafna iktar għajnuniet lill-pensjonanti.

Caruana tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tat-taxxa. Qal li fil-jiem li għaddew kien ċar ħafna fuq din il-kwistjoni. Qal li dan il-pajjiż, matul l-aħħar sena u nofs, għen lil kulħadd.

Qal li għax bħala gvern kienu deċiżivi, dan huwa l-uniku pajjiż fl-UE fejn issa għandna rata ta’ qgħad li huwa inqas minn kif kien fil-bidu tal-pandemija, għandna iktar nies jaħdmu u għandna inqas nies inattivi li qegħdin fi djarhom li mhumiex interessati li jfittxu x-xogħol. 

Żied jgħid: “Kif il-gvern kien deċiżiv u għenna kif kien mistenni, u kif kien fid-dmir tagħna, daqstant ieħor kull wieħed u waħda minnha jistenna li kulħadd iħallas it-taxxi tiegħu.”

Caruana qal li l-Ministeru responsabbli mill-anzjani se jkollu baġit miżjud fil-kapital tiegħu biex jaraw li l-anzjani jibqgħu attivi fil-komunità. Fir-rigward tal-anzjani, qal kif għada pitgħada, fuq għażla tal-individwu, iridu jkomplu jinċentivaw lill-anzjani jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol. Qal li jekk se jkun hemm sinjal ċar li se jkunu qed jagħmlu f’dan il-baġit huwa proprju f’dan ir-rigward.

Dwar il-COLA, Caruana qal li m’għandux problema li d-diskussjoni fuq is-suġġett terġa’ tibda iżda qal li biex ikun hemm ċaqliq tal-mod kif tinħadem l-għoli tal-ħajja, irid ikun hemm qbil bejn min iħaddem u bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema. Qal li jekk l-MCESD jogħġbu li fix-xhur li ġejjin iqajjem diskussjoni bħal din m’għandu l-ebda problema li l-Gvern ikun parteċipi fiha.

Caruana tkellem ukoll dwar il-housing. Qal li lkoll nafu kif il-prezz tal-proprjetà żdied. Qal li dan huwa parti mill-effett li t-tkabbir ekonomiku jġib. Qal li sforz it-tkabbir ekonomiku kbir li kelna matul l-aħħar snin il-prezzijiet tal-proprjetà żdiedu u qal li rridu ngħidu wkoll li ċertu saffi tas-soċjetà ma jħallqux ma’ dawn il-prezzijiet. Żied jgħid li minkejja l-isfidi, fil-baġit li jmiss se jara li l-allokazzjoni fil-qasam tal-housing, mhux dak soċjali biss, iżiduha b’mod b’saħħtu.

Dwar ix-xogħol, Caruana qal li sar ħafna f’dan il-pajjiż fosthom li fl-aħħar tmien snin saru passi ta’ ġgant. Qal li jekk ikollu jiġbor fi ftit kliem dak li ġie diskuss illejla, kollox idur mas-saħħa tal-flus. Irrefera għall-fatt li matul l-aħħar tmien snin għamlu minn kollox biex in-nies, fosthom nisa u persuni b’diżabiltà, joħorġu jaħdmu.

Qal li ġimgħa qabel il-baġit se jniedu l-politika nazzjonali għas-suq tax-xogħol għad-disa’ snin li jmiss. Qal li l-isfida li jmiss mhux li noħolqu x-xogħol biss imma li jkun xogħol ta’ kwalità. Tenna dwar l-importanza li f’dan il-pajjiż l-edukazzjoni ntuha aktar importanza.

Sport