Sunday, May 5, 2024

Miċħuda talba ta’ omm biex iżżomm eks sieħeb milli jsiefer ma’ binthom

Aqra wkoll

Il-Qorti Ċivili sede tal-Familja f’sentenza li ta t ċaħdet it-talba ta’ omm milli żżomm lil eks sieħeb tagħha milli jieħu lil binthom miegħu għal vaganza qasira fl-Italja biex iżur lil ġenituri tiegħu.

Din il-Qorti, li kienet presjeduta mill-Imħallef Jaqueline Padovani Grima, fost raġunijiet oħra, waslet għal din id-deċiżjoni wara li kkunsidrat li l-Italja hija firmatarja tal-Konvenzjoni li tittratta aspetti ta’ ħtif ta’ minuri u li għaldaqstant l-omm ma kellhiex issib diffikultà li terġa’ tingħaqad ma’ bintha anke jekk l-eks sieħeb tagħha ma kienx se jirritorna lura Malta.

Dan il-każ kien jirrigwardja relazzjoni qasira bejn raġel Taljan li kien ġie Malta biex jitgħallem l-Ingliż u l-għalliema tiegħu. Minn din ir-relazzjoni twieldet tifla fis-16 ta’ Awwissu 2018.

Fix-xhieda tagħha, l-omm sostniet illi minkejja li r-relazzjoni li kellha mat-Taljan kienet kemmxejn imqallba, b’dankollu ma riditx iċċaħħad lil bintha mill-preżenza ta’ missierha.

Kompliet tispjega illi kien wara li bdiet tirċievi ċertu theddid li waslet biex titlob lill-Qorti timpedixxi lill-eks sieħeb tagħha milli jieħu lil binthom miegħu l-Italja. Dan għamlitu għaliex kienet beżgħana li hu ma kienx se jirritorna lura Malta flimkien ma binthom.

Min-naħa tiegħu, it-Taljan xehed li huwa xtaq jieħu lil bintu miegħu għall-jumejn l-Italja biex iżur lil ġenituri tiegħu u biex ukoll huma jaraw lin-neputija tagħhom li kien ilhom sentejn ma jarawha. Huwa stqarr ukoll illi minkejja li ma kienx għadhom flimkien offra lill-eks sieħba tiegħu biex tmur miegħu tant li kien ukoll lest li jħallsilha l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat ix-xiehda taż-żewġ partijiet  u qieset ukoll x’jgħidu l-liġijiet ta’ Malta dwar talbiet għal ħruġ ta’ impediment. Sostniet illi fi proċeduri bħal dawn, il-Qorti dejjem ħarset qabel kollox li tipproteġi l-interessi tat-tfal minuri u kif ukoll tal-ġenitur milli jiġi arbitrarjament imċaħħad milli jkollu relazzjoni ma’ wliedu minuri.

Qalet ukoll illi l-Qorti dejjem żammet mal-prinċipju illi f’ħajjithom l-ulied għandhom bżonn il-preżenza taż-żewġ ġenituri sabiex b’hekk, possibilment jiżviluppaw relazzjoni soda mat-tnejn.

Għaldaqstant il-Qorti, wara l-kunsiderazzjonijiet tagħha, ddeċidiet illi l-omm ma kienet se ssofri ebda preġudizzju rrimedjabbli biċ-ċaħda tat-talba tagħha billi jidher ċar li l-intenzjoni tal-eks sieħeb tagħha kienet li jieħu lil bintu fl-Italja għal jumejn biss biex iżur lil ġenituri tiegħu. Għaldsaqstant ċaħdet it-talba tal-omm għal ħruġ ta’ l-impediment.

Sport