Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale, ċaħdet talba li għamlilha Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, biex tiddikjara bħala nulla u bla effett id-deċiżjoni għaċ-ċaħda tat-talba li huwa għamel biex jingħata maħfra presidenzjali għax din tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu, u biex l-istess talba tiegħu tiġi kkunsidrata mill-ġdid.
Fenech kien fetaħ il-kawża kontra l-Avukat Ġenerali, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kummissarju tal-Pulizija u diversi Ministri u eks Ministri oħra, bil-Qorti tiċħadlu t-talba minħabba li ma kienx segwa l-proċeduri stabbiliti biex wieħed ikun jista’ jipproċedi kontra l-awtoritajiet.
Jirriżulta li Fenech kien talab formalment biex jingħata maħfra presidenzjali bil-kundizzjoni li jagħti l-informazzjoni kollha dwar diversi fatti fil-konfront ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat, iżda kopja ta’ tali talba formali qatt ma ġiet ippreżentata, kif ma tressqitx lanqas prova li t-talba tiegħu ma kinitx intlaqgħet.
Huwa bbaża t-talba tiegħu fuq il-premessa li Schembri kien jattendi regolament għal-laqgħat tal-Kabinett tal-Gvern, li l-Kabinett tal-Gvern ipproċessa u ddetermina t-talba tiegħu għall-proklama.
Huwa allega wkoll li Schembri b’diversi modi, inkluż bl-intervent ta’ terzi u wegħdiet, għamel minn kollox biex iwaqqfu milli jgħaddi informazzjoni inkriminanti fil-konfront tiegħu u għalhekk huwa ma setax jgħaddi l-informazzjoni.
Fenech saħaq ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija, illi kien ukoll involut fil-proċess tal-evalwazzjoni tat-talba tiegħu kien persuna maħtura mill-Kabinett li tiegħu Keith Schembri kien membru.
Min-naħa tagħhom, l-intimati (il-persuni li kontra tagħhom infetħet il-kawża) qalu li dawn il-proċeduri huma nulli u bla effett minħabba li l-azzjoni ma ġietx preċeduta minn ittra uffiċjali jew protest ġudizzjarju kontra tagħhom kif tipprovdi l-liġi, xi ħaġa li kienet innotata wkoll mill-Qorti.
“Jirriżulta, mill-provi prodotti, li ebda ittra uffiċjali u/jew protest ġudizzjarju, ma ġiet ippreżentata mir-rikorrent (Fenech) qabel ma beda dawn il-proċeduri,” qalet il-Qorti. “Jirriżulta wkoll li l-azzjoni odjerna ma tinkwadrax f’waħda mill-ħames istanzi kkontemplati fil-liġi meta ma hemmx bżonn il-ħtieġa ta’ tali azzjoni, u għalhekk kien jinkombi fuq ir-rikorrent li jottempra ruħu ma’ dak rikjest fl-Artiklu 460 (1) tal-Kap 12.”
Kien għalhekk li filwaqt li l-Qorti lliberat mill-osservanza tal-ġudizzju lil dawk kollha li nfetħet kontrihom il-kawża ħlief l-Avukat tal-Istat, ġia’ Avukat Ġenerali, u kif ukoll iddikjarat l-azzjoni inkwistjoni bħala nulla, ċaħdet it-talbiet ta’ Fenech bl-ispejjeż kontra tiegħu.