Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi ħabbar l-iskema tal-Micro Invest aġġornata, li tinkludi għajnuniet speċifiċi għaż-żieda fil-pagi tal-ħaddiema. L-iskema l-ġdida, li se tkun qed topera bejn is-snin 2026 u 2030, ġiet iddisinjata biex tassisti lin-negozji ż-żgħar, lis-self-employed, kif ukoll għall-ewwel darba lill-intrapriżi soċjali.
L-iskema tintroduċi sostenn immirat lejn il-ħaddiema. Se jingħata top-up fiskali għaż-żidiet fil-pagi implimentati fl-2026 u l-2027 ta’ impjegati li ilhom impjegati kontinwament mal-istess kumpanija għal aktar minn erba’ snin u li l-pagi tagħhom żdiedu b’mill-inqas 3% fis-sena. Dan l-appoġġ se jkun sa massimu kull sena għal kull impjegat ta’ €780 għal intrapriżi bbażati f’Malta u ta’ €1020 għal intrapriżi bbażati f’Għawdex.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri qal li, “In-negozji żgħar u medji jagħmlu 90% min-negozji kollha f’pajjiżna u huma sors ta’ dħul, ta’ paga għal numru kbir ta’ familji. Illum li għandna ekonomija b’saħħitha, qegħdin f’pożizzjoni li ngħinu aktar lin-negozji biex ikomplu jinvestu fin-negozju tagħhom. Irridu li t-tkabbir li qed niġġeneraw bħala pajjiż jinħass minn kulħadd, filwaqt li nkomplu ntejbu l-produttività. Sodisfatt li għandna enfasi f’din l-iskema l-ġdida fuq il-ħaddiema, fuq iż-żieda fil-pagi tal-ħaddiema. Bħala pajjiż il-ħaddiema huma l-akbar riżorsa li għandna u naf kemm hu diffiċli li żżomm il-ħaddiema, b’din il-miżura li se tgħin għaż-żieda fil-pagi u hija inċentiv biex ikun hemm retention tal-ħaddiema,” qal il-Ministru Schembri.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, George Gregory, qal li “L-iskema aġġornata tal-Micro Invest tirrifletti l-impenn kontinwu tagħna biex nappoġġjaw in-negozji madwar Malta u Għawdex. Matul l-aħħar tliet snin, ġew approvati aktar minn 14,000 applikazzjoni, b’aktar minn €140 miljun f’assistenza mogħtija lill-intrapriżi. Din l-iskema mġedda hija mfassla biex tilqa’ aħjar għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tan-negozji tal-lum, billi tgħinhom jinvestu, jinnovaw u jikbru b’mod sostenibbli.”


