Thursday, November 14, 2024

MID-DINJA AKKADEMIKA GĦALL-POLITIKA

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

Jien żagħzugħa mill-Imġarr, imwielda fost ħames aħwa u llum miżżewġa lil Malcolm Bugeja minn Marsaxlokk. Missieri familja tal-bdiewa, filwaqt li r-raġel ġej minn razza tas-sajjieda. Bħala mara mrobbija f’familja tal-ħaddiema, dejjem emmint fil-bżonn ta’ politika qrib in-nies u l-ħaddiem. Ġejt avviċinata sabiex noħroġ għall-elezzjoni u llum qegħda nikteb dawn il-kelmtejn bħala kandidata għall-ewwel darba sabiex nirrapreżenta lill-poplu Malti fil-Parlament. Dan il-pass qed nagħmlu għax nemmen li għandi ħafna x’noffri bħala viżjoni għal Malta aħjar.

Qabel għamilt dan il-pass, kelli storja ta’ 8 snin akkademiċi fejn studjajt u ħdimt f’diversi Universitajiet madwar id-dinja sabiex nibni ħiliet professjonali dwar l-iżvilupp sostennibli, f’diversi setturi. Jien iffukajt speċifikament fuq is-sostennibilità soċjo-ekonomika u l-politika soċjali f’dak li jirrigwarda l-ambjent, il-biedja, is-sajd u l-biodiversità.

L-ewwel esperjenza tiegħi kienet fl-Ingilterra, fejn qattajt erba’ snin nagħmel id-dottorat fl-Università ta’ Kent. Fl-Ingilterra kelli l-opportunità li naħdem direttament ma’ professuri internazzjonali ffukati fuq l-ekonomija ekoloġika u l-antropoloġija – żewġ suġġetti li fil-fehma tiegħi huma kruċjali biex nistudjaw mill-qrib il-kommunitajiet u l-bżonnijiet tas-soċjetà.

Fid-dottorat tiegħi analizzajt l-impatt tal-liġijiet Ewropej fuq is-sostennibiltà tas-sajd u l-konservazzjoni marittima f’Malta. Ħarist mill-qrib lejn l-effetti tal-introduzzjoni tal-kwota tat-tonn f’pajjiżna, u l-impatt soċjo-ekonomiku li għadda minnu s-settur tas-sajd. Analizzajt il-governanza tas-sajd fil-Mediterran, u sħaqt dwar il-bżonn ta’ politika tas-sajd aktar riflessiva ta’ gżejjer żgħar bħalma hija Malta. Suġġett ieħor li ffukajt fuqu hu l-mod ta’ kif il-konservazzjoni taż-żoni marittimi qed tiġi minsuġa u l-bżonn li tkun ibbażata fuq aktar studji soċjali u ekonomiċi li jagħtu stampa tar-realtajiet kostali.

Wara li gradwajt fl-2017, erħejtilha lejn Newfoundland il-Kanada fejn qattajt sena nagħmel dak li jissejjaħ post-doc fuq il-governanza internazzjonali tal-baħar u s-sajd. Apparti li kelli l-opportunità naħdem ma’ diversi esperti internazzjonali, ingħatajt ukoll l-opportunità li nindirizza waħda mill-akbar konferenzi internazzjonali tas-sajd u l-akkwakultura f’Thailand u Bali.

Il-kandidata Laburista flimkien mal-Ministru Anton Refalo waqt waħda mill-konferenzi



Fl-2019 mxejt lejn Franza fejn qattajt sentejn nagħmel studji għall-Gvern Franċiż sabiex ninfurma dwar modi differenti li jistgħu jintużaw għas-sajd fil-gżejjer tal-Karibew. Tul dawn is-snin attendejt u kkontribwixxejt f’iktar minn 20 konferenza. Dawn tawni l-opportunità nibni aktar tagħrif, kif ukoll naqsam l-ideat tiegħi dwar ir-riċerka li wettaqt ma’ mijiet ta’ persuni li ltqajt waqt dan il-vjaġġ akkademiku.

Fl-2020 irritornajt lura Malta sabiex nieħu l-kariga ta’ Direttur tas-Sajd. Sal-lum-il ġurnata, ħafna għadhom isaqsuni kif irnexxieli nagħmel numru ta’ snin barra, ‘il bogħod mill-familja u minn dawk qrib tiegħi. Ma nistax ngħid li ma kontx inkun homesick, u li ma kellix sfidi, pero s-sigriet hu illi żżomm appuntament imqar darba kull xahrejn sabiex tivvjaġġa, jew jiġu jarawk. Li nżur lil Malta kienet importanti, mhux biss minħabba l-familja, iżda biex nżur lill-pajjiz li fih trabbejt u li tant inħobb. Għalkemm kont mijiet ta’ kilometri ‘l bogħod, xorta waħda kont naħseb fuq din il-gżira u s-sbuħija kollha li toffri. 

Nemmen li dawn it-8 snin kienu kruċjali mhux biss għax bnejt il-profil tiegħi fuq il-livell akkademiku, iżda għax esperjenzajt u għext il-kulturi ta’ pajjiżi oħra. ‘Il bogħod minn dak li tgħallimt mill-kotba, għext f’pajjiżi b’ekonomija u politika differenti, u tgħallimt dwar modi diversi ta’ kif dawn il-pajjiżi jsostnu l-ekonomija tagħhom b’mod speċjali kif jilħqu l-bilanċ bejn l-miri ekoloġiċi u dawk soċjali. Irnexxieli nikseb tagħrif dwar kif pajjiżi oħra jsostnu l-ekonomija agrarja tagħhom b’modi diversi li huma konxji tal-bżonnijiet soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi ta’ diversi oqsma. Fl-istudji tiegħi iffukajt ukoll fuq ir-reżiljenza soċjo-ekonomika u l-bżonn ta’ governanza parteċipattiva li tkun ġejja mill-poplu sabiex verament il-futur tas-setturi jkun mibni fuq strateġiji li jixprunaw ir-riġenerazzjoni u t-trasformazzjoni bżonnjuża tad-diversi setturi.

Dan hu kollu kruċjali, speċjalment illum, fejn il-ħtieġa hi li nħarsu ‘l quddiem b’viżjoni olistika li ssalva l-ekonomija Maltija. Din hi l-priorità ta’ kull Gvern fid-dinja għall-era ġdida post-Covid. 

Ekonomija

Sport