Friday, April 19, 2024

“Inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu li għada hemm xi ħaġa aħjar tistenniena”

Aqra wkoll

Jonathan Attard, Kandidat tal-PL fuq ir-raba’ u t-12-il distrett distrett strumentali fil-Vot 16 u fir-riforma għas-sehem tan-nisa fil-politika

Ftit tal-ġimgħat ilu l-Avukat Jonathan Attard inħatar Deputat Parlamentari. Kien l-Prim Ministru nnifsu li ressaq il-mozzjoni ta’ co-option ta’ Membru Parlamentari, li għaddiet b’mod unananimu. Din kienet tarġa ġdida għal Attard wara li għamel żmien bħala ġurnalist mal-istazzjon ONE tal-Partit Laburista. Fl-ewwel indirizz tiegħu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, Jonathan Attard qal li huwa se jkompli jaħdem biex jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.

Din il-gazzetta ltaqgħet ma’ Attard fejn saqsejnih dwar kontribut tiegħu fil-politika. Attard qalilna li għandu għal qalbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies li jeħtieġ li tkompli titjieb u li kulħadd ikun kapaċi jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.

Mistoqsi dwar l-esperjenza tiegħu fil-parlament Attard qalilna li ftit jiem wara li nħatar bħala Deputat Parlamentari għamel l-ewwel intervent tiegħu fil-parlament f’dibattitu li tratta r-rapport ta’ inkjesta fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu semma’ l-veduti tiegħu mal-kamra fejn iddeskriva l-inkjesta pubblika bħala pass ieħor f’dan il-vjaġġ ta’ bidla li għaddej minnu pajjiżna u li jinsab ċert li l-poplu qiegħed japprezza l-bidliet kbar li wettaq u li se jkompli jwettaq il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.

L-interess tiegħu fil-politika baqa’ jitkattar u għalih li timmilita mal-Partit Laburista hi xi ħaġa affaxxinanti aktar u aktar għaliex issir ħidma kontinwa biex tinkiseb din il-ġustizzja soċjali bl-aktar mod wiesgħa. Fil-fatt kif spjega aktar qabel, il-politika tidħol f’kull qasam tal-ħajja u huwa għalhekk li importanti li jkun hemm ġustizzja soċjali ma’ kull faxxa ta’ nies.

Spjegalna li mhix xi ħaġa faċli biex ilaħħaq bejn il-familja u l-impenji tal-ħidma tiegħu iżda jħoss li fejn jidħol il-ħin huwa persuna ddixxiplinata ħafna. Għalih il-ħin għall-familja hu ferm importanti u jagħmel mezz li jkollu dawk il-mumenti ta’ kwalità magħhom.

Fl-opinjoni tal-kandidat Laburista l-ekonomija ta’ pajjiżna għamlet qabża fejn tidħol kwalità. Din l-istess ekonomija kienet kapaċi tkun reżiljenti u tissapporti ċerti daqqiet li minkejja kollox ma kinux daqshekk kbar waqt il-pandemija tal-COVID-19. It-tisħiħ ekonomiku u l-attivita’ ġġenerata tippermetti li l-Gvern ikompli jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, inkluż f’miżuri soċjali intiżi biex jassiguraw li kemm jista’ jkun ħadd ma jaqa’ lura. 

Mistoqsi dwar jekk jarax xi nuqqasijiet fil-Partit Laburista u jekk iva jemminx li l-kontribut ta’ żgħażagħ bħalu se jkun utli biex dan il-partit ikompli jiġġedded, Attard wieġeb li “L-ewwel u qabel kollox, il-Partit Laburista mhuwiex partit li jipproġetta lilu nnifsu bħala perfett, anzi narah bħala partit ġenwin, imma li baqa’ konsistenti, li miegħu taf fejn qiegħed u li dejjem ħa deċiżjonijiet importanti fil-mument opportun.”

Saqsejnieh dwar x’wassal biex fl-aħħar snin il-Partit Laburista kompla jikseb fiduċja daqstant b’saħħita u prattikament jagħmilha impossibbli li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-elettorat.

“Il-Partit Laburista għaraf ir-rwol li tah il-poplu Malti u Għawdxi u hu għalhekk li kompla jikber dejjem aktar fil-popolarita’ tiegħu. Hu għaraf li n-nies huma fiċ-ċentru tal-politika tal-gvern u dan jagħmlu wieħed ferm popolari. Mhux ta’ b’xejn li l-elettorat qed jagħżel lil dan il-partit biex jiggverna għax dejjem żammejna saqajna mal-art,” tenna Attard. 

Tkellimna ma’ Jonathan Attard dwar xi temi li f’dawn l-aħħar xhur ġibdu l-attenzjoni ta’ bosta u ġabu magħhom reazzjonijiet mħallta f’pajjiżna.

Bdejna billi saqsejnih dwar il-kannabis rikreazzjonali. Hu qal li din hi riforma ferm importanti aktar u aktar meta r-realtà hi dik li din it-tip ta’ sustanza qed tintuża. Aktar milli ngħixu f’gidba, il-gvern b’kuraġġ qed jintervjeni sabiex għall-kuntrarju ta’ dak li konna mdorrijin naraw qabel iwettaq riformi ambizzjużi li jindirizzaw r-realtajiet soċjali li jeżistu. Fl-istess waqt, il-gvern bl-ebda mod mhu qed jippromwovi l-użu tal-kannabis, iżda qed jara li titwettaq  riforma dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis.

Fejn jidħol l-abort, Attard jixtieq jara diskussjoni matura mingħajr ebda forma ta’ għaġla. Diskussjoni mibnija fuq l-onestà u r-rispett lejn fehmiet differenti, bla sensazzjonaliżmu jew kundanni u kontra l-istigma.

Dwar l-istat tal-familja fil-gżejjer Maltin u jekk hemmx lok li ngħidu li teżisti kriżi f’dan il-valur tant sabiħ tal-bniedem, Attard wieġeb li “Ċertament li bħalissa żdiedet ħafna l-aspetattiva fil-ħajja tal-miżżewġin partikolarment b’diversi neċessitajiet li lanqas nimmaġinawna ngħixu mingħajrhom. Dan kollu jaf ipoġġi pressjoni kbira fuq il-familja speċjalment jekk il-ġenituri qed jinvestu fuq l-edukazzjoni ta’ uliedhom jew inkella għadhom qed iħallsu s-self li tahom il-bank fuq il-post.”

Attard qal li bħala gvern, id-deputati fil-parlament iridu jkomplu jassiguraw li l-membri tal-familja jkollhom ħin biżżejjed sabiex jiltaqgħu ma’ xulxin, dak li ħafna jsejħulu bħala ħin ta’ kwalita’.

Fejn tidħol fiduċja fl-awtoritajiet, l-avukat qalilna li jinsab ottimist li din l-fiduċja se tissaħħaħ fiż-żmien li ġej.  Per ezempju l-fiduċja tal-Maltin fil-Qrati u l-ġudikanti, skont l-Ewrobarometru, fl-aħħar sena żdiedet sostanzjalment u dan ċertament kien riżultat tal-fatt li l-Gvern immexxi minn Robert Abela wettaq riformi storiċi f’dan is-settur.

Ċertament li t-teknoloġija bidlet sew l-istil ta’ ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha. Jonathan Attard jammetti li llum il-ġurnata hu ferm diffiċli li tgħix mingħajrha partikolarment il-mowbajl jew it-tablet. Madankollu hu fatt ukoll li dan l-istess apparat qed jiffaċilitalna ħajjitna u rridu nieħdu l-aqwa tiegħu sabiex niffaċilitaw aktar ħajjitna. Il-gvern qed jaħdem sabiex ikompli jsaħħaħ id-diġitalizzazzjoni, inkluż fil-Qrati.

“Ejjew inħarsu ‘l quddiem b’ottimizmu u tama li għada hemm xi ħaġa aħjar tistenniena u rridu naħdmu u nistinkaw għaliha,” temm jgħid il-kandidat Laburtista b’espressjoni ta’ fiduċja u ottimiżmu għal futur sabiħ.

Sport