Fid-Double Trap pajjiżna rebaħ il-midalja tad-deheb u tal-fidda grazzi għal Matthew Grech u William Chetcuti meta spiċċa fl-ewwel u fit-tieni pożizzjonijiet rispettivament.
Sa minn kmieni ta’ din il-kompetizzjoni kien jindika li se tkun bejn it-tliet tiraturi li kienu jinkludu wkoll lil Gian Marco Berti ta’ San Marino.
Fl-ewwel sessjoni tar-round ta’ kwalifikazzjoni kien Grech li kien qed jillidja meta laqat 26 minn 30 plattin, segwit minn Berti (24) u Chetcuti (23).
Imbagħad fit-tieni u fit-tielet sessjoni, Grech baqa’ f’ras il-klassifika meta laqat 29 għal darbtejn għal total ta’ 84.
Min-naħa ta’ Chetcuti laqat 29 u 25 plattin biex irreġistra total ta’ 77 punt biex baqa’ fit-tieni pożizzjoni.
Għaldaqstant ir-round finali kien kontestat bejn iż-żewġ tiraturi Maltin, b’Berti jaqa’ lura.
Kien Matthew Grech li ħareġ rebbieħ b’110 punt filwaqt li Chetcuti kiseb 102 punti. Fit-tielet post temm Lyndon Sosa tal-Lussemburgu li kiseb 82 punt biex qabeż lil Berti li kellu jikkuntenta bir-raba’ post u jonqos milli jagħmel il-podju.