Monday, February 9, 2026

Midalja tal-fidda fl-Open Masters Games: Graham Borg jibda l-istaġun 2026 bi prestazzjoni mill-aqwa

Aqra wkoll

It-triatleta Malti Graham Borg beda l-istaġun 2026 bi prestazzjoni dominanti, hekk kif temm fit-tieni post ġenerali fil-World Open Masters Games f’Abu Dhabi.

Borg ikkompetta kontra aktar minn 200 atleta ta’ 30 sena u ’l fuq, u rnexxielu jispiċċa quddiem diversi kompetituri minn kategoriji ta’ età iżgħar. Huwa kiseb ukoll it-tieni post fil-kategorija M45, bl-ewwel post ġenerali jmur għand atleta mill-istess kategorija.

Il-prestazzjoni tiegħu kienet waħda konsistenti fit-tliet dixxiplini. Borg beda b’għawma b’sahhita li poġġietu fuq quddiem tal-‘wave’ tiegħu u rreġistra l-iktar ħin veloċi fl-għawm fost il-kategoriji kollha.

Tul il-parti taċ-ċikliżmu ta’ 42.8 kilometru — kemxejn itwal mid-distanza Olimpika standard — Borg naqqas id-distakk li kellu fuq kompetituri iżgħar li bdew t-tellieqa generali ħames minuti qabel, b’veloċità medja impressjonanti ta’ 41 km/h. Din il- prestazzjoni wasslitu biex jikseb it-tieni l-aktar ħin veloċi fuq ir-rota fost l-etajiet kollha.

Borg beda t-tiġrija fl-ewwel post assolut, iżda atleta li kien jinsab fit-tielet pożizzjoni avvanza matul it-tiġrija, u Borg qasam il-linja tal-finish fit-tieni post assolut f’ħin ta’ sagħtejn u tmien minuti u jirbaħ il-medalja tal-fidda.

Ir-riżultat jikkonferma bidu pożittiv u inkoraġġanti għall-istaġun ta’ triathlon 2026 ta’ Borg, li issa qed iħares ’il quddiem lejn kompetizzjonijiet internazzjonali u sfidi fuq distanzi itwal tal-Ironman.

Borg jinsab Abu Dhabi mas-sieħba tiegħu Rebecca Sare’, li qed tagħmel id-debutt tagħha fl-Open Masters Games. Sare’ se tikkompeti fil-Long Jump nhar it-Tnejn 9 ta’ Frar u fit- Triple Jump nhar l-Erbgħa 11 ta’ Frar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport