Sunday, December 29, 2024

Miexi ġmielu l-proġett ta’ spazju miftuħ fi Ġnien Indipendenza f’Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

“Bħala Gvern wegħidna li ser inkunu qed inżidu aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet tagħna. Din il-wegħda, qegħdin inwettquha bi proġetti ta’ spazji miftuħa madwar il-pajjiż. Ġnien Indipendenza huwa xhieda tal-impenn tagħna lejn it-titjib fil-kwalità tal-ħajja għall-familji tagħna.” 

Hekk enfasizza s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, waqt żjara li għamel fi Ġnien Indipendenza, f’Ħaż-Żebbuġ fejn bħalissa għaddejjin xogħlijiet estensivi mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia saħaq li dan il-ġnien, minn spazju mitluq ser jiġi trasformat fi spazju miftuħ għall-komunità, fejn il-familji, it-tfal u żgħażagħ jistgħu jirrilissaw fil-ħin liberu tagħhom.

Ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq il-ġnien jinkludu ħolqien ta’ spazji għal attivitajiet komunitarji fosthom żona għall-picnics u basketball court. Ma’ dan il-ġnien ser jinbena ġibjun biex l-ilma li jinġabar fih ikun jista’ jintuża f’sistema ta’ irrigazzjoni għall-istess ġnien.

Ser tiġi installata sistema ta’ dawl moderna biex ittejjeb il-viżibilità u s-sigurtà bil-lejl, sistema ta’ CCTV biex tnaqqas ir-riskju tal-vandaliżmu kif ukoll panelli fotovoltajiċi. Id-Dipartiment ser jara li minbarra li jinżammu s-siġar li hemm preżenti ser ikun qiegħed iħawwel oħrajn ġodda.

Se jsir titjib ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibbiltà għas-sit billi jiġi pprovdut aċċess aktar sigur bl-installazzjoni ta’ pelican crossing, kif ukoll se jitranġa l-parkeġġ eżistenti.

Is-Segretarju Parlamentari żar ukoll  l-Arka ta’ De Rohan fejn għaddejjin xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru permezz ta’ fondi mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi  wara li ġie ffirmat ftehim ma’ 54 Kunsill Lokali. Dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jassisti lill-kunsilli lokali permezz ta’ inizjattivi bħal dawn.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku Steve Zammit Lupi, enfasizza fuq il-benefiċċji li dawn il-proġetti ser ikollhom għar-residenti Żebbuġin. Huwa qal li dawn ix-xogħlijiet ser ikomplu jagħtu dehra isbaħ lil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ, u ser ifissru li ż-Żebbuġin ser ikollhom spazju miftuħ fejn jirrilissaw.

Ekonomija

Sport