Sunday, November 24, 2024

Miexi ġmielu x-xogħol fuq is-set tal-film “Gladiator 2”

F’Malta l-produzzjoni hija ppjanat li ddum madwar tliet xhur… L-aktar fil-Fort Ricasoli

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-sequel wara 23 sena tal-film kolossali li kien inġibed f’Malta “Gladiator”, kif diġà ħabbarna, se jsir f’Malta fis-sajf li ġej li qiegħed bieb u għatba magħna. Fil-fatt, hekk kif jidher mir-ritratt meħud mill-fotografu tagħna, ix-xogħol fuq is-set tiegħu miexi ġmielu.

Filwaqt li l-preparamenti u d-dettalji ta’ “Gladiator 2” qegħdin jinżammu pjuttost mistura, dan it-tielet film mid-direttur famuż Ridley Scott, se jkompli jesponi lill-pajjiżna fl-industrija tal-films. Din l-industrija, li Malta għandha potenzjal kbir fiha, qiegħda tiftaħ opportunijiet ġodda u numerużi għall-persuni lokali fejn fix-xhur li għaddew ħarġu eluf ta’ sejħiet ta’ impjieg fosthom għal mastrudaxxi, film extras u membri tas-sigurtà.

Fil-fatt hemm ħafna Maltin, kemm nisa kif ukoll irġiel, li applikaw biex jaħdmu bħala membri tas-sigurtà għal waqt il-produzzjoni ta’ dan il-film kolossali. Minn informazzjoni li tana persuna, dan qalilna li x-xahar li għadda ngħataw kors ta’ introduzzjoni u preparazzjoni għal dak li se jkun mistenni minnhom biex ikun hemm is-sigurtà meħtieġa fuq is-sett u li minn jum għall-ieħor qegħdin jistennew li jissejħu mill-kuntrattur. Dawn għad iridu jingħataw id-dettalji u l-konferma tal-impjieg, kif ukoll id-data ta’ meta se jkunu mitluba jirrapportaw fuq il-post tax-xogħol.

Mhux f’Malta bisss…

Sadanittant rapporti minn midja barranin fit-tieni ġimgħa ta’ dan ix-xahar ħabbru li nbeda xogħol ukoll il-Marokk fejn qiegħda tinbena arena kbira li se tkun simili għal-amfiteatru li rajna l-ewwel film li fih l-attur prinċipali kien ir-rebbieħ tal-Premju Oscar, Russell Crowe.

Paramount diġà ħabbru d-data tat-22 ta’ Novembru, 2024 bħala dik li fiha se jibda jintwera dan il-film tant mistenni.

Sport