Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali ieħor, din id-darba dak ta’ Bormla, li permezz tiegħu se jkunu qed jinħolqu 69 appartament ġdid u 97 spazju għall-parkeġġ f’Bormla għall-familji vulnerabbli.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Bonnici segwa l-progress li sar fuq il-proġett, li jifforma parti mill-ħidma kontinwa biex tiżdied l-akkomodazzjoni soċjali u aktar familji jkollhom aċċess għal dar ta’ kwalità li toffri sigurtà u stabbiltà.
“Meta ninvestu fl-akkomodazzjoni soċjali, qed ninvestu direttament fil-kwalità tal-ħajja tal-familji li huma l-iktar vulnerabbli. Dan il-proġett f’Bormla se jfisser 69 dar ġdida u għal kull familja li se tibbenefika minn waħda minnhom hija opportunità ġdida biex tħares lejn il-futur b’aktar serħan il-moħħ u stabbiltà,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-proġett jirrappreżenta investiment ta’ madwar €21 miljun u se jinkludi appartamenti ta’ kamra tas-sodda waħda, żewġ kmamar tas-sodda u tliet kmamar tas-sodda. Il-kumpless se jinkludi wkoll madwar 97 spazju għall-parkeġġ.
Preżenti għaż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Malita Marlene Attard, iċ-Ċermen tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa u s-Sindku ta’ Bormla Marco Agius flimkien ma’ membri tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.
Il-proġett f’Bormla huwa parti mill-investiment kontinwu fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, bil-għan li jinħolqu aktar spazji residenzjali ta’ kwalità li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-familji vulnerabbli u tal-komunitajiet.

