Monday, July 14, 2025

Miexi x-xogħol biex tingħata dehra isbaħ lill-belvedere fin-Nigret iż-Żurrieq

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur, fiż-żona tan-Nigret, iż-Żurrieq, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta għadd ta’ bankini ġodda li llum waslu għal infrastruttura aktar aċċessibbli u sigura għar-residenti.

F’din iż-żona wkoll, bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni fil-belvedere li se jkun qiegħed jinbidel fi spazju ta’ rilassament għar-residenti u dawk kollha li jżuru l-lokalità taż-Żurrieq.

Waqt żjara lill-ħaddiema, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia spjega kif bħala Dipartiment inħasset il-ħtieġa li din iż-żona, minn waħda mitluqa tinbidel għal waħda aktar sigura li toffri kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti tal-madwar.

“Fl-aħħar xhur, bħala Public Works, rajna kif żoni li ma jkunux utilizzati bl-aħjar mod inbidluhom fi spazji li l-familji u l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jqattgħu ħin ta’ mistrieħ flimkien. Din hija parti mir-revoluzzjoni li bħala Gvern qegħdin noħolqu fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna,” sostna s-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Fost ix-xogħlijiet li għaddejjin qiegħda tinbidel l-art, se jkunu installati bankijiet ġodda kif ukoll se jitwaħħal dawl ġdid li jikkumplimenta dan il-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari rrimarka li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, b’sinerġija mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkun qiegħed iwettaq aktar ħidma fil-qalba ta’ din il-lokalità għall-familji Żrieraq u kull min jiġi biex igawdi l-ġmiel li joffri ż-Żurrieq.

Is-Sindku Rita Grima qalet kif bis-saħħa tas-sinerġija bejn il-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fil-ġimgħat li ġejjin ir-residenti ta’ din iż-żona se jkollhom spazju fejn jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport