Tuesday, December 24, 2024

Miġbura €3,000 mill-istudenti nazzjonali tal-isport permezz ta’ għawma għal Puttinu Cares

Aqra wkoll

L-Erbgħa kienet organizzata it-tieni edizzjoni taċ-Charity Swim fejn kontra kull kurrent u kesħa tal-baħar diversi studenti/atleti mill-Iskola Nazzjonali tal-Isport għamu distanza ta’ 2 kilometri bl-għan li jinġabru donazzjonijiet għal Puttinu Cares. Studenti mill-waterpolo, għawm u għawm artistiku għelbu sfida interessanti fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa bl-għajnuna tal-għalliema mmexxija mill-kap tal-iskola s-Sur Robert Magro.

Diversi ġenituri ġew jagħtu l-appoġġ lil dawn l-istudenti li ma beżgħux mill-kesħa tal-baħar f’dawn iż-żminijiet. Din hija waħda mill-għanijiet ta’ din l-iskola li mhux biss twassal l-istudenti għal livell aħjar fl-isport tagħhom imma saħansitra li l-istudenti dejjem jitgħallmu kif ikunu tal-ewwel biex jgħinu lil ħaddieħor. L-istudenti kienu qed jagħtu l-appoġġ u l-kuraġġ permezz ta’ banners lill-għawwiem Jake Vella li bħalissa jinsab l-isptar jieħu trattamenti.

L-istudenti flimkien mal-istaff ġabru s-somma sabiħa ta’ €3,000 liema donazzjoni ġiet preżentata lil Joe Tanti f’isem Puttinu Cares.

Ekonomija

Sport