Matul il-jum tal-Ħadd, mijiet ta’ familji żaru l-Park tal-Familja ta’ Marsaskala biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-ewwel edizzjoni ta’ Halloween tal-attività popolari Wirt in-Natura.
Imtellgħa mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u Project Green, Wirt in-Natura kienet mimlija divertiment għall-familja kollha, b’logħob edukattiv, attivitajiet marbuta ma’ Halloween, sessjonijiet ta’ arti u crafts, taħriġ prattiku dwar il-pjanti, face painting u attivitajiet oħra għat-tfal, mużika, ikel u xorb, fost oħrajn.
Ingħaqdu wkoll timijiet minn Ambjent Malta, Circular Economy Malta, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-kampanja Saving our Blue u WasteServ Malta fejn iltaqgħu ma’ dawk li attendew għal din l-attività biex jaqsmu tagħrif u pariri dwar għadd ta’ temi ambjentali.
Waqt din l-attività, għall-ewwel darba nfetħet żona ġdida ta’ 1,300 metru kwadru għall-picnics, f’parti mill-Park li qabel ma kinitx tintuża. Project Green irriġenerat din iż-żona bit-tħawwil ta’ diversi siġar u arbuxelli u installat aktar picnic benches u struttura li toffri dell u kenn.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat li ta’ kull sena, Wirt in-Natura tqarreb aktar familji lejn il-parks f’Malta.
“L-ispazji miftuħa jħallu impatt pożittiv sinifikanti fuq il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Qed naħdmu bla heda biex intejbu l-parks li għandna diġà, filwaqt li noħolqu ħafna oħrajn ġodda f’lokalitajiet differenti. Iż-żona għall-picnics ġdida li bdejna nużaw illum qed iżżid faċilitajiet ġodda biex ikun eħfef għall-familji li jqattgħu aktar ħin f’dan il-park,” qalet Miriam Dalli.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul spjega li ż-żona ġdida għall-picnics fil-Park ta’ Marsaskala tgħaqqad flimkien l-arti u l-funzjonalità, biex tiżgura li dan l-ispazju miftuħ ikun jista’ jintuża matul is-sena kollha, b’inqas restrizzjonijiet minħabba t-temp.
“Project Green kommessa li tkompli tattira lill-pubbliku lejn il-parks filwaqt li toffri pjattaforma għall-artisti lokali u l-kultura Maltija. Wirt in-Natura hija fost l-attivitajiet li qed norganizzaw biex nagħtu lin-nies ambjent naturali għar-rilassament u d-divertiment mal-għeżież tagħhom”, qal is-Sur Ellul.
F’Diċembru li ġej, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża se jorganizza t-tielet edizzjoni ta’ Christmas in the Park, attività popolari oħra b’tema ambjentali fi żmien il-Milied, fil-Park tas-Salina, f’San Pawl il-Baħar.
Għal iżjed tagħrif segwi Sostenibilità fuq Facebook, Instagram u Tik Tok.