Sunday, December 22, 2024

Mikxuf attentat ta’ kolp ta’ stat fil-Ġermanja

Aqra wkoll

Fil-ħin li l-Prim Ministru tal-Ġermanja Olaf Scholz jinsab f’Tirana l-Albanija fejn qed jattendi summit tal-Unjoni Ewropea, il-pulizija Ġermaniża arrestat ħamsa u għoxrin persuna f’rejds madwar il-pajjiż suspettati li qed iħejju biex iwaqqgħu l-gvern bil-forza.

Kien il-Ministru tal-Ġustizzja Marco Buschmann li fuq twitter semma li kienet qed issir operazzjoni kbira kontra t-terroriżmu u ssuspettat attakk armat ippjanat fuq korpi kostituzzjonali. Tlett elef uffiċjal tal-pulizija ħadu sehem f’130 rejd madwar il-parti l-kbira tal-pajjiż, b’żewġ persuni jiġu arrestati fl-Awstrija u fl-Italja. 

Rapporti Ġermaniżi jgħidu li l-grupp ta’ persuni tal-lemin estrem u eks-militari ppjanaw li jattakkaw il-bini tal-parlament u jaħtfu l-poter tal-pajjiż f’idejhom.

Huwa allegat li persuna aristokrata ta’ rank baxx deskritt bħala l-Prinċep Heinrich XIII, li għandu 71 sena kien il-moħħ wara l-pjanijiet għal kolp ta’ stat.  

Skont il-prosekuturi federali, huwa wieħed minn żewġ allegati mexxejja fost dawk arrestati minn madwar 11-il stat Ġermaniż.

Jingħad li dawk li kienu qed jikkomplottaw jinkludu membri tal-moviment estremista Reichsbürger – Ċittadini tar-Reich – li ilu għal żmien twil fil-mira tal-pulizija Ġermaniża fuq attakki vjolenti u teoriji ta’ konfoffa razzista. 

Fit-twemmin tagħhom dawn jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-istat Ġermaniż modern u huwa allegat illi 50 persuna, nisa u rġiel, huma parti mill-grupp li jingħad li ppjanaw biex iwaqqgħu r-repubblika u jibnu stat ġdid immudellat fuq il-Ġermanja tal-1871 – imperu msejjaħ it-Tieni Reich.

 Kelliema għall-uffiċċju tal-Prosekuti Federali qalet li għad m’għandhomx isem għal dan il-grupp. L-istess kelliema żvelat li l-grupp kien ilu jippjana kolp ta’ stat vjolenti minn Novembru 2021 u membri tal-kunsill ċentrali tiegħu minn dak iż-żmien kellhom laqgħat regolari. 

Huma kienu diġà stabbilixxew pjanijiet biex imexxu l-Ġermanja b’dipartimenti li jkopru s-saħħa, il-ġustizzja u l-affarijiet barranin u fehmu li setgħu jwettqu l-għanijiet tagħhom biss b’mezzi militari u vjolenza kontra rappreżentanti tal-istat li kienu jinkludu anki assassinji.

L-investigaturi huma maħsuba li kisbu informazzjoni mill-grupp meta skoprew pjan ta’ ħtif f’April li għadda li kien jinvolvi gang li sejħu lilhom infushom United Patriots.

Huma wkoll kienu parti mix-xena tar-Reichsbürger li allegatament kienu ppjanaw li jaħtfu lill-Ministru tas-Saħħa Karl Lauterbach filwaqt li joħolqu wkoll kundizzjonijiet ta’ gwerra ċivili biex iġibu fi tmiemha d-demokrazija tal-Ġermanja.

Jingħad ukoll li l-aħħar pjan kien jinvolvi eks membru tal-lemin estrem tal-AfD li hu wkoll membru Bundestag, li kien ippreparat li jsir ministru tal-ġustizzja, bil-Prinċep Heinrich bħala mexxej.

Kien hemm pjanijiet ukoll għal forza militari magħmula minn membri attivi u preċedenti kif ukoll ex suldati elite minn unitajiet speċjali bħala parti sinifikanti tal-pjan ta’ kolp ta’ stat. 

Skont il-prosekuturi tal-pajjiż, l-għan tal-fergħa militari kien li jelimina korpi demokratiċi fil-livell lokali. Wieħed minn dawk li qed jiġi investigat huwa membru tal-Forzi tal-Commando Speċjali, u l-pulizija fittxet f’daru u fil-kamra tiegħu fil-bażi militari Graf-Zeppelin f’Calw, fil-Lbiċ ta’ Stuttgart.

Ekonomija

Sport