Thursday, August 14, 2025

Mil-Lenti għar-Ritratt:  Niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Fotografija

Aqra wkoll

Ta’ kull sena, fid-19 ta’ Awissu, fotografi u artisti viżwali minn madwar id-dinja jingħaqdu sabiex jiċċelebraw il-Jum Dinji tal-Fotografija. Jum li fih niftakru fil-potenzjal li l-fotografija għandha, sew bħala għodda kif ukoll bħala arti. Filwaqt li l-fotografija ġiet ivvintata bl-għan ewlieni biex mumenti jiġu irrekordjati, illum dan l-għan twessa’ ferm aktar minn sempliċi għodda biex jinżamm rikordju.

Ritratt artistiku jinvolvi proċess ta’ osservazzjoni, interpretazzjoni u kreazzjoni. Bħal kull artist ieħor, fotografu joħloq kwadru biex jesprimi kunċett, emozzjoni jew perspettiva. Dan il-proċess kreattiv jinvolvi serje ta’ għażliet intenzjonati li jsiru mill-fotografu.  Mill-għażla tas-suġġett, l-angolu biex jinġibed ir-ritratt, l-interazzjoni bejn id-dawl u d-dell, l-iffokar, l-inkwadrar u ma jistax jonqos li r-ritratt jaqbad il-mument kruċjali.

Din is-sena, is-Soċjetà Maltija tal-Fotografija, pilastru u promotur tal-fotografija artistika f’Malta, għal darb’oħra ser ikun qed jiċċelebra dan il-Jum b’esebizzjoni speċjali intitolata, ‘Mil-Lenti għar-Ritratt’.

Imwaqqfa fl-1961, is-Soċjetà Maltija tal-Fotografija kienet u għadha punt ta’ referenza għall-komunità fotografika lokali għal dawn l-aħħar sittin sena. Is-Soċjetà kienet maħluqa sabiex toffri sostenn lill-fotografi dilettanti u professjonali, kif ukoll sabiex tippromwovi l-fotografija bħala mezz artistiku, dinamiku u espressiv. Lil hinn mill-organizzazzjoni ta’ wirjiet, is-Soċjetà għandha rwol importanti fl-edukazzjoni u l-iżvilupp artistiku tal-membri tagħha. Dan isir  permezz ta’ taħdidiet ta’ kull gimgħa, korsijiet, workshops, photo-walks u programmi ta ‘mentoring’, kollha intenzjonati sabiex titrawwem komunità fotografika vibranti u kreattiva.

Sabiex tikkommemora l-Jum Dinji tal-Fotografija, is-Soċjetà ser tkun qed itella’ esebizzjoni li turi x-xogħolijiet ta’ 46 membru tagħha. Il-wirja hija karatterizzata minn varjetà wiesa’ ta’ stili ta’ ritratti kemm bil-kulur kif ukoll  iswed u abjad, kompożizzjonijiet minimalistiċi, ‘still-life’, fotografija tat-triq, ritratti espressivi u ukoll astratti.  Kull ritratt esibit jirrifletti l-viżjoni unika u l-interpretazzjoni li jkun ta il-fotografu ta’ kif iħares lejn element fid-dinja ta’ madwarna. 

L-esebizzjoni ser tkun qed tittella’ ġewwa l-mużew storiku ta’ Wignacourt ġewwa r-Rabat. Binja barokka, li fil-passat kienet iservi bħala r-residenza tal-Kappillani tal-Ordni ta’ San Ġwann u li tinsab biswit il-Bażilika ta’ San Pawl. Il-binja nfisha ser tkun qed tikkomplementa l-istess esebizzjoni mil-lat storiku u tirreplika l-vjaġġ ta’ kull ritratt mill-ewwel xrara ta’ ispirazzjoni minn wara l-lenti tal-kamera sar-ritratt finali mdendel mal-ħajt. F’dinja li illum miżgħuda bir-ritratti, il-fotografija esibita tiddistingwi minn dik ġenerali minħabba l-viżjoni artistika ta’ kull ritratt li jittieħed u li jintwera. 

Is-Soċjetà Maltija tal-Fotografija tistieden lill-pubbliku biex imur jara din iċ-ċelebrazzjoni tal-arti fotografika. L-esebizzjoni ser tkun miftuħa mill-3 t’ Awissu sal-31 t’Awissu, mit-Tnejn sal-Ħadd mid-9.30 am sal-5.00 pm. L-aħħar dħul sal-4.00pm. Id-dħul huwa bla ħlas.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport