Saturday, December 21, 2024

Mil-lum jibda jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16 taċ-Champions League

Aqra wkoll

Il-kompetizzjonijiet Ewropej jirritorna proprju din il-ġimgħa hekk kif mil-lum jibda jintlagħab l-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League bi programm ta’ żewġ partiti li jkunu segwiti b’żewġ logħbiet għada u erba’ oħra l-ġimgħa d-dieħla.

ILLUM

FC Copenhagen v Man City (9.00 pm)

Il-holders, Manchester City, imorru fil-belt kapitali Daniża, Copenhagen, biex ikomplu d-difiża tat-titlu, f’din il-fażi eliminatorja.

It-team immexxi mill-manager, Pep Guar­diola, jinsab miexi fid-direzzjoni l-ġusta hekk kif fil-Premier League Ingliż jinsab fit-tieni post, żewġ punti wara l-leaders Liverpool u jrid jirkupra partita wkoll.

Fil-fażi tal-gruppi ta’ din il-kompetizzjoni huma temmew b’punti massimi, fi Grupp G, li kien jinkludi wkoll lil RB Leipzig, Red Star Belgrade u Young Boys.

Min-naħa tagħhom, FC Copenhagen spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp A, wara Bayern Munich iżda quddiem Galatasaray u Manchester United rispettivament.

Bla dubju, is-City jibdew favoriti li llum joħorġu b’rebħa iżda jridu juru rispett lejn l-avversarji tagħhom minħabba li jippossjiedu ndividwalisti tajbin.

Iżda t-tandem bejn Kevin De Bruyne u Erling Haaland għandu jkun it-theddida ewlenija għad-Daniżi. U jekk dawn iż-żewġ players kienu nieqsa mill-azzjoni għal bosta ġimgħa, issa huwa ż-żmien f’waqtu u opportun li jgħinu lit-team jissielet fuq kull front … meta għandhom ċans li jirrepetu l-istess suċċess tas-sena li għaddiet … it-Treble!

Jidher li Guardiola għandu l-iskwadra kol­lha għad-dispożizzjoni tiegħu. Min-naħa tad-Daniżi, dawn se jkollhom jgħaddu mingħajr l-imweġġgħin, Nicolas Boilesen, Theo Sander, Da­vid Khocolava u Birger Meling.

RB Leipzig v Real Madrid (9.00 pm)

Dan il-konfront għandu jknu wieħed delikat għal Real Madrid meta jivvaġġjaw lejn il-Ġermanja biex jaffrontaw lil RB Leipzig.

Il-Madrileni, li rebħu din il-kompetizzjoni għal 14-il darba, iddominaw Grupp C, tant, li bħal Manchester City rebħuh b’punti massimi.

Min-naħa ta’ Leipzig spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp C, sitt punti inqas minn Manchester City  fejn tilfu ż-żewġ konfronti diretti kontra t-team Ingliż.

Wara l-waqfa tax-xitwa, Liepzig ma tantx kel­lhom ritorn feliċi minħabba li sofrew tliet tel­fiet konsekuttivi, segwiti minn rebħa fuq Union Berlin u fi tmiem il-ġimgħa li għadda spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Augsburg.

Il-coach, Marco Rose, se jkollu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni fejn se jirritorna wkoll Amadou Haidara li kien nieqes kontra Augsburg.

Il-coach ta’ Real, Carlo Ancelotti, qed jittama li Jude Bellingham jilħaq jirkupra wara li fir-rebħa ta’ 4-0 fuq Girona, fi tmiem il-ġimgħa, kellu jħalli l-ground minħabba li ħass uġiegħ fl-għaksa.

Jekk Bellingham ma jkunx fil-formazzjoni iniz­jali, postu mistenni jimtela minn Brahim Diaz.

Antonio Rudiger għadu qed jirkupra minn injury fil-koxxa u għaldaqstant Nacho Fernandez mistenni jilgħab fil-qalba tad-difiża.

Barra minn hekk,  Eder Militao, David Alaba u Thibaut Courtois, qed jirkupraw injury fit-tul u għaldaqstant ma għamlux il-vjaġġ.

Ekonomija

Sport