Monday, December 23, 2024

Mil-lum jibda jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League

Aqra wkoll

Hekk kif tirritorna l-UEFA Champions League, mil-lum jibda jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16 meta din il-ġimgħa jintlagħbu erba’ logħbiet tal-ewwel leg filwaqt li l-ġimgħa d-dieħla jinatlagħbu l-erba’ li jkun fadal. Il-logħob kollu jibda fid-9.00 pm 

AC Milan vs Tottenham (illum) – AC Milan jilqgħu lil Tottenham Hotspur fejn jippruvaw idawru l-fortuni tagħhom hekk kif jinsabu fi kriżi meta kisbu biss rebħa waħda f’dan l-aħħar xahar. 

Huma se jilagħbu kontra t-team li rebaħ Grupp D, iżda lanqas Spurs ma jinsabu għaddejjin minn vena tajba. Proprju l-bieraħ huma  ħadu l-aħbar li Rodrigo Bentancur se jitlef il-kumplament tal-istaġun minħabba li sofra injury fil-cruciate. 

Barra minn hekk huma se jkollhom jgħaddu wkoll mingħajr is-servizzi tal-imweġġgħin Yves Bissouma u Hugo Lloris u s-sospiż sospiż Emil Hojberg.

Anke r-Rossoneri għandhom bosta players imweġġgħin fosthom Ismael Bennacer, Fikayo Tomori, Mike Maignan u Alessandro Florenzi filwaqt li Zlatan Ibrahimovic se jsirlu test aħħari biex jiġi jiddikjarat f’siktu. 

Paris SG v Bayern M. (illum) –  Dan huwa l-aktar konfront mistenni fejn Paris St-Germain jilqgħu lil Bayern Munich. 

Il-Pariġini se jinżlu għal din il-logħba b’moral kemmxejn baxx meta ġejjin minn telfa ta’ 3-1 kontra Monaco fil-kampjonat domestiku. 

Huma se jaffrontaw ir-rebbieħa ta’ Grupp C, fejn kisbu punti massimi minn sitt logħ­biet li kienu jinkludu rebħiet doppji fuq Inter, Barcelona u Viktoria Plzen.

PSG se jkollhom lura lil Lionel Messi u Marco Verratti iżda se jkollhom nieqes lil Kylian Mbappe, li huwa l-aqwa skorer ta’ din il-kompetizzjoni. 

Bayern Munich għandhom barra numru ta’ players fosthom Thomas Muller, Manuel Neuer, Noussair Mazraoui, Lucas Hernandez u Sadio Mane.

Club Brugge v Benfica (għada) –  Il-Bel­ġjani ta’ Club Brugge għandhom konfront diffiċli kontra Benfica.  

Il-Portugiżi ddominaw il-grupp li kien jinkludi Paris St Germain, Juventus u Maccabi Haifa. 

Huma jibdew favoriti kontra Brugge iżda jridu juru rispett massimu minħabba li l-Belġjani huma sfida denja u ladarba waslu sa dan l-istadju hija turija tal-potenzjal li jippossjiedu. 

Il-Belġjani se jkollhom jgħaddu mingħajr Andreas Skov Olsen u Ferran Jutgla minħabba li qed jirkupraw minn injury filwaqt li Goncalo Ramos se jkun nieqes għal Benfica għall-istess raġuni. 

Borussia Dortmund v Chelsea (għada) –  Borussia Dortmund jospitaw lil Chelsea f’logħba oħra li għandha tkun ferm inte­ressanti. It-team immexxi minn Edin Terzic spiċċa fit-tieni post ta’ Grupp G wara Manchester City li kien jinkludi wkoll lil Sevilla u FC Copenhagen.

L-attenzjoni se tkun fuq Jude Bellingham hekk kif dan il-player ta’ 19-il sena qed iġorr lit-team kollu fuq dahru fejn qed ikun strumentali fir-riżultati tagħhom.

Min-naħa tal-Blues, minkejja li fis-suq tat-trasferimenti akkwistaw xejn inqas minn sitt players, qed ibatu biex isibu l-formula ġusta bil-pressjoni qegħda dejjem tikber fuq il-coach Graham Potter.

Iż-żewġ timijiet għadhom bosta players neqsin minħabba li qed jirkupraw minn injury. Borussia għandhom lil Youssoufa Moukoko, Marius Wolf, Tom Rothe, Abdoulaye Kamara u Mateu Morey … filwaqt li Chelsea għandhom lil  Raheem Sterling, Mateo Kovacic, Denis Zakaria, Christian Pulisic, Edouard Mendy, Wesley Fofana u Ngolo Kante.

Ekonomija

Sport