Wednesday, October 9, 2024

“Mil-lum tibda l-ħidma li se żżomm dan il-partit l-akbar forza progressiva f’pajjiżna” – Dr Alex Sciberras

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President il-ġdid tal-Partit Laburista Alex Sciberras beda billi rringrazzja lil Ramona Attard, Daniel Micallef u Chris Fearne għas-servizz, il-ħin, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li dejjem għamlu għal dan il-Partit.

“Nassigurakom li m’aħna se ninsewkom qatt u li l-bibien tagħna dejjem se jkunu miftuħin għalikom.”
Lil Norma Saliba, li wkoll ikkontestat għall-kariga ta’ President tal-PL, Dr Sciberras qal li l-partit għandu bżonnha. Qal li mexxew kampanja ta’ ħbiberija u jridu jkomplu jaħdmu flimkien b’dik l-istess ħbiberija.

“Il-vjaġġ tiegħek ma waqafx hawn. U dan jgħodd għal dawk kollha li resqu ‘l quddiem f’dawn l-elezzjonijiet biex joffru s-servizzi tagħhom lil dan il-partit. Għandna bżonn l-isforzi ta’ kulħadd.”

Dr Sciberras żied jirringrazzja wkoll lil dawk li kienu ta’ sostenn għalih f’dawn il-jiem. Irringrazzja b’mod partikolari lill-familja tiegħu imma fuq kollox lil missieru li qal li xtaq ħafna li jkun miegħu imma jaf li dejjem żamm ħarstu fuqu.
Huwa tenna jgħid li hu ta’ unur għalih li jindirizza din il-konferenza bħala President tal-PL. “Grazzi tal-fiduċja tagħkom li kif wegħedtkom irrid inroddha lura f’ħidma magħkom u fostkom.”

“Prim Ministru, kemm jien kburi b’dan il-Partit. Taħt it-tmexxija tiegħek mhux biss għarafna niġġeddu anke bħala partit fil-Gvern imma fuq kollox iġġeddidna fl-għaqda. L-għaqda li dejjem kienet u se tibqa’ l-bażi ta’ kull suċċess tagħna.”

Dr Sciberras qal li rridu nerġgħu nagħtu ħajja lil dan iċ-ċentru li għandu jibqa’ dejjem bil-bibien miftuħa għal dawk kollha li jikkontribwixxu ħinhom għal dan il-moviment. “Irridu nibqgħu partit miftuħ, tad-djalogu, tal-ideat u tal-ideal. Partit fejn kulħadd għandu leħen.”

“Intom, sħabi delegati, tridu tkunu l-ixprun tat-tiġdid tagħna u fuq kollox tar-rebħiet tagħna. Dan se nagħmluh mhux biss billi niġġeddu imma niftakru min aħna, minn fejn ġejna u l-prinċipji li nbena u ssawwar dan il-partit. Konvint li flimkien se naslu.
“F’dawn il-jiem sibt fikom it-tama, il-ħeġġa u d-determinazzjoni. Dan l-entużjażmu li tqanqal fina f’dawn il-jiem irridu nżommuh ħaj għaż-żmien li ġej għax huwa magħkom illi se nkomplu nibnu u nsaħħu dan il-moviment progressiv. Għollu raskom. Ħarsu f’għajnejn xulxin. Kunu konvinti li se ssibu spalla li tistgħu tistrieħu fuqha. Mil-lum tibda l-ħidma li se żżomm dan il-partit l-akbar forza progressiva f’pajjiżna,” temm jgħid il-President tal-PL.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport