Wednesday, July 24, 2024

Milan isostnu li l-allegazzjonijiet kontra tagħhom huma foloz

Aqra wkoll

Is-sidien kurrenti u dawk ta’ qabel Ameri­kani ta’ AC Milan, nhar l-Erbgħa t-tnejn qalu li l-allegazzjonijiet minn prosekuturi Taljani li jikkontestaw min imexxi liċ-champions Ewropew seba’ darbiet huma foloz.

L-uffiċini ta’ Milan ġew irrejdjati mill-pulizija nhar it-Tlieta bħala parti minn investigazzjoni mill-prosekuturi Taljani dwar il-bejgħ tal-ġganti tas-Serie A.

RedBird Capital Partners xtraw lil Milan mingħand id-ditta Amerikana wkoll, Elliott Management, f’Awwissu 2022, iżda l-prosekuturi ta’ Milan isostnu li Elliott għadhom jippossjedi u jikkontrollaw il-club Taljan.

“RedBird Fund IV u l-investituri tiegħu għandhom 99.93% ta’ AC Milan; l-0.07% l-oħra huma investituri individwali tal-wirt Taljani li huma partitarji li ilhom mal-club żmien twil. Il-kunċett li RedBird m’għadhomx u ma jikkontrollawx lil AC Milan huwa falz u jikkontradixxi l-evidenza u l-fatti kollha,” qalu RedBird fi stqarrija.

“Meta ħadna l-kontroll tal-club mal-għeluq, Elliott ipprovdew finanzjament ta’ self lil RedBird b’terminu ta’ tliet snin u mingħajr drittijiet tal-vot,” żiedu RedBird.

Fi stqarrija separata, Elliott qalu li “din l-allegazzjoni (mill-prosekuturi ta’ Milan) hija falza. AC Milan inbiegħu lil RedBird, fil-31 ta’ Awwissu, 2022. Minn dik id-data, il-fondi Elliott ma kellhom l-ebda interess azzjonarju fi, jew kontroll fuq, AC Milan,” żiedu     Elliott.

Allegatament, il-Pulizija Finanzjarja Taljana għamlet tfittxija fid-djar tal-kap eżekuttiv attwali, Giorgio Furlani, u l-eks kap eżekuttiv, Ivan Gazidis, li qabel kien ma’ Ar­senal, li kellhom ir-rwol mill-2018 sal-2022.

Furlani u Gazidis qed jiġu investigati talli allegatament ħbew informazzjoni rela­tata mal-bejgħ mill-Federazzjoni Taljana tal-Football (FIGC).

Milan qalu li huma “terza parti u barranija għall-azzjoni legali li għaddejja,” u żiedu li kienu qed “jagħtu l-koperazzjoni sħiħa tagħhom lill-awtorità investigattiva.”

Madankollu, Milan jistgħu jiġu mmultati jew jitnaqqsulhom punti mill-FIGC.

RedBird indirizzaw ukoll l-ispekulazzjo­ni li l-club qed ifittex investituri ġodda fl-Arabja Sawdija jew x’imkien ieħor.

“M’hemm l-ebda diskussjoni ma’ xi investitur li jkollu xi kontroll fil-club,” qalu RedBird. “RedBird huma s-sidien fil-kontroll ta’ AC Milan u hekk se jibqgħu.”

Sadanittant, skont il-media Taljana, it-talba tal-prosekuturi hija li Elliott ‘issimula’ l-bejgħ ta’ Milan lil RedBird sabiex jikkontrolla wkoll lill-club ta’ Ligue 1, Lille, li t-tnejn huma reġistrati fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA.

Il-prosekutur jissuġġerixxi wkoll li qed jinvestigaw l-ispiża ‘minfuħa’ tal-bejgħ għal €1.2 biljuni, u sostna li l-club kien vera­ment jiswa eqreb is-€700  miljun.

Ekonomija

Sport