Wednesday, April 24, 2024

“Milied mingħajr darek ma jistax ikun tajjeb imma sibna ħafna anġli”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara li fl-aħħar jiem tkellimna mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro dwar il-problemi li jistgħu jikkawżaw inċidenti ta’ nirien fi djar, ikkonfermat dak li tkellimna dwaru l-koppja li xahar ilu tilfet kollox kawża ta’ nirien fir-residenza tagħha f’Raħal Ġdid. 

“Kien milied tad-dwejjaq fil-verità, kont emozzjonalment imkissra minħabba li kont mingħajr id-dar tiegħi fil-ġranet fejn normalment kulħadd jinġabar biex jiċċelebra. Imma bl-għajnuna tan-nies kien daqsxejn aħjar. Grazzi għall-ġenerożità kbira li teżisti qalb il-Maltin u l-Għawdxin kellna l-opportunità li nieklu bħala familja f’ristorant lejlet il-Milied u ġesti bħal dawn tellghulna dak il-ftit moral. L-iktar importanti f’ħajjitna huma wliedna u r-rigali li ġejna offruti għalihom kienu xi ħaġa speċjali. Għalkemm għadhom żgħar huma jafu x’ġara u ma ġarax imma għadhom ma jafux x’iġifieri titlef kollox.”

Hekk bdiet biex tgħid ma’ dan is-sit, Christine, l-omm li kellha tirrikorri għal appelli kontinwi wara li tilfu kulma kellhom fir-residenza tagħhom f’inċident li seħħ fit-28 ta’ Novembru li għadda.

Is-Sur Coleiro qalilna li bħala medja jkun hawn tliet familji fil-ġimgħa li jkunu affettwati minn nirien fir-residenzi tagħhom u filwaqt li qal li l-konsegwenzi jkunu jvarjaw, b’inċidenti li saħansitra xi kultant ma jkollniex kontroll fuqhom, huwa ta diversi pariri ta’ kif dak li jkun jista’ jevita l-aktar inċidenti komuni b’miżuri ta’ prekawzjoni li kulma jirrikjedu huwa ftit aktar għarfien. 

Huwa spjegalna li mhux bilfors ikollok dar kollha li taqbad, u ħafna drabi tkun parti biss li tkun sofriet ħruq estensiv, iżda li r-riperkussjonijiet huma ferm agħar għax huwa d-duħħan li jeqred l-affarijiet materjali u xi drabi r-rikordji kollha tal-familja.

Fejn jidħlu ħwejjeġ huwa qalilna li dawn jinħaslu kemm jinħaslu se tibqa’ ħierġa minnhom riħa ta’ ħruq, fejn jidħlu appliances, id-duħħan jidħol fihom minn ventijiet u meta dawn jitħaddmu jew jibdew jarmu l-istess irwejjaħ jew tinduna li jibdew inaqqsu gradwalment mill-prestazzjoni tagħhom kawża tal-istess duħħan u lista sħiħa li tista’ tiġi evitata jekk sempliċiment qabel tħalli darek ma tħallix dwal jixegħlu mingħajr assistenza minħabba li jagħmlu atmosfera sabiħa lil dar battala. 

Dwar il-polza tal-assigurazzjoni Coleiro qalilna li għalkemm huwa importanti li jittieħdu dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni, tajjeb li dak li jkun jinvesti wkoll f’apparat bħalma huma fire alarms li jistgħu jkunu biżżejjed biex jfakkruna li fir-residenza tagħna hemm periklu qabel isseħħ xi traġedja.

Kellimna dwar dak li jgħaddu minnu l-familji u li mhux kemm tgħid tfaqqa’ sbugħajk għax ikollok il-polza tal-assigurazzjoni. Dan wkoll ikkonfermatu Christine hekk kif xahar wara għadhom għaddejjin bil-proċess tal-investigazzjonijiet u l-valutazzjoni tal-ħsara u saħqet magħna li mingħajr il-ġenerożità tal-poplu kieku kien ikollhom jgħaddu minn ġimgħat ta’ miżerja.

It-triq hija twila għall-familja f’Raħal Ġdid u l-post se jkollu jiġi rranġat lura għall-istat ta’ ġebel u saqaf kawża tad-dħaħen kbar li nfirxu ma’ kullimkien u ħallew kollox f’dalma sewda. Se jkun hemm bżonn servizzi ġodda ta’ dawl u ilma, madum ma’ kullimkien, bibien u twieqi ġodda, u affarijiet oħra li mhumiex fi stat li jitranġaw. 

Hija rringrazzjat lill-persuna li sa mill-ewwel sigħat wara l-inċident offrielhom akkomodazzjoni minħabba li ovjament id-dar tagħhom mhijiex fi stat abitabbli, garaxx fejn setgħu ipoġġu l-ftit affarijiet li salvaw u affarijiet li ġew offruti bħalma huma għamara u affarijiet oħra li għalissa ma jistgħux jieħdu f’darhom u lil dawk kollha li bil-ftit jew ħafna tagħhom għenu biex huma jsibu t-tama ta’ bidu ġdid wara din it-traġedja.

“Kif dejjem għidt, kull qatra tgħodd u għalina mill-persuna li offrietilna fejn noqogħdu sa dak li offrielna presepju biex it-tfal setgħu jidħlu fl-ispirtu tal-Milied wara dik l-esperjenza kera, intkom l-anġli tagħna”, temmet tgħid Christine.

Sport