Thursday, December 26, 2024

Miljun ewro f’għajnuna lir-raħħala Maltin u Għawdxin fi żmien il-pandemija

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana flimkien mal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fil-fabbrika tal-Malta Dairy Products, fejn matulha taw dettalji dwar l-għajnuna importanti li l-gvern ta lir-raħħala Maltin u Għawdxin fiż-żmien tal-pandemija.

Il-Ministru Clyde Caruana qal li s-settur tal-agrikoltura huwa important ħafna għal pajjiżna u bħal kumplament tas-setturi l-oħra ntlaqat ħażin ferm matul ix-xhur tal-pandemija. Il-Ministru Caruana spjega kif id-daqqa fit-turiżmu fl-aħħar xhur ikkawżat tnaqqis sostanzjali fil-konsum tal-prodotti tal-ħalib. Minkejja dan, ir-raħħala Maltin u Għawdxin xorta waħda riedu jaqilgħu l-għajxien tagħhom u kif ukoll jibqgħu jieħdu ħsieb lill-annimali. 

Il-Ministru Caruana qal, “Bħala gvern, irrikonoxxejna din l-isfida u tajna lil din il-fabbrika li tipproduċi l-prodotti tal-ħalib għajnuna li tlaħħaq il-miljun ewro. Dan sabiex tkun tista’ tesporta l-prodotti tagħha barra minn xtutna fi swieq ġodda. Dawn il-flus, barra li għenu lill-fabbrika tkompli topera f’dan il-perjodu diffiċli, għenu wkoll lir-raħħala sabiex xogħolhom jibqa’ għaddej u kif ukoll isalvaw lill-annimali tagħhom.”

Il-Ministru Caruana qal li bħala Ministeru se jibqa’ jżomm kuntatt ma’ din il-fabbrika sabiex mhux biss jiġi ssalvagwardjat l-interess tal-familji, iżda wkoll is-security of supply tal-ħalib f’pajjiżna. Huwa żied jgħid, “Dan il-perjodu tal-pandemija huwa temporanju, għaldaqstant irridu nassiguraw li l-merħliet tar-raħħala jibqgħu hemmhekk ħalli malli d-domanda għal dawn il-prodotti terġa’ tiżdied, dak li kienu jipproduċu jerġa’ jiġi kkunsmat.”

Il-Ministru Caruana sostna li l-impenn tal-gvern se jibqa’ dak li jassisti kull qasam f’pajjiżna ħalli jibqa’ jissalvagwardja l-interess tal-familji Maltin u Għawdxin. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Anton Refalo sostna kif “Il-KPH hija industrija li mxiet ’il quddiem, f’settur li huwa robust u reżiljenti waqt li tfaċċat il-pandemija tal-COVID-19. Aħna bħala Ministeru konna dejjem wara dan is-settur, tajna l-għajnuna tal-COVID -19 bi €3 miljun lir-raħħala. Iżda huwa d-dmir u d-dover tal-gvern li l-ewwel jisma’ u imbagħad jattwa.”

Il-Ministru Anton Refalo spjega li “Il-mod kif mixjin, hekk kif għandna pjan b’viżjoni, il-gvern jemmen f’dan is-settur imprezzabbli, nemmnu li fl-Ewropa rridu niġġieldu ukoll sabiex dik l-għajnuna li qabel kienet tingħata b’pagamenti diretti, din tibqa’ tingħata. Dan huwa sinjal  qawwi li aħna qegħdin hemm biex nassistu dan is-settur.” Żied jgħid ukoll kif “Din mhix se tkun l-aħħar darba li nagħtu l-għajnuna, imma se nkomplu niddiskutu u naraw li l-ħalib Malti u Għawdxi ma jintremiex.”

Huwa temm id-diskors tiegħu billi enfasizza kif “Dan huwa d-dmir tal-gvern biex inġibu ’l quddiem u nixprunaw dan is-settur.”

Ekonomija

Sport