Thursday, December 26, 2024

Miljuni ta’ ewro fi dħul mill-kostruzzjoni mhux iddikjarati f’seba’ snin

Jibda l-każ kontra Martin Farrugia u Henriette Cassar mixlija bi frodi u ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Spettur mit-Taqsima tar-Reati Finanzjarji (FCID) ta rendikont dettaljat ta’ kif miljuni ta’ ewro minn xogħlijiet li saru f’isem 44 klijent fuq perjodu ta’ seba’ snin ma kinux iddikjarati lill-awtoritajiet.

L-Ispettur Joseph Xerri kien qed jagħti x-xhieda tiegħu hekk kif quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Martin Farrugia ta’ 45 sena mir-Rabat u Henriette Cassar ta’ 49 sena, li jinsabu mixlija bi frodi u ħasil ta’ flus. L-allegati reati seħħew bejn l-2012 u l-2019 u kienu jinvolu lil NCCF, MAM Construction Ltd u MWF Construction Ltd.

Farrugia, li huwa reġistrat bħala bennej, u Cassar li taħdem bħala segretarja mal-kumpaniji ta’ Farrugia, qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

L-Ispettur Xerri spjega fil-Qorti kif il-pulizija mit-taqsima tal-FCID kienu nnotaw diskrepanzi kbar f’dak li kien qed jiġi ddikjarat lid-dipartiment tal-VAT, fosthom €27 miljun mhux iddikjarati f’bejgħ minn waħda mill-kumpaniji.

Il-pulizija kienet sabet diskrepanza ta’ €2.8 miljun fir-rigward ta’ dħul ieħor tal-kumpaniji li kellu jkun soġġett għall-VAT, iżda ma kinux iddikjarati.

L-Ispettur kompla jgħid li kien hemm lista twila ta’ persuni u kumpaniji oħra kienu involuti jew affettwati mill-allegata frodi permezz ta’ ħlas għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u bejgħ ta’ makkinarju. Uħud mill-individwi u l-entitajiet inkwistjoni għadha għaddejja l-investigazzjoni fuqhom.

Il-każ ikompli.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Avukat Abigail Caruana Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Joseph Xerri.

L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru għal Cassar mentri l-Avukati Etienne Borg Ferrante u Dominic Micallef qed jassistu lil Farrugia.

L-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Rebecca Mercieca u Stefano Filletti qed jidhru għall-allegati vittmi.

Ekonomija

Sport