Sunday, December 22, 2024

Mill-Afrika ta’ Isfel tiġi Malta u teċċella fl-immudellar

Aqra wkoll

Hekk kif inkomplu bis-sensiela ta’ intervisti ma’ mudelli li ħadu sehem f’konkors tal-moda u sbuħija organizzat minn Gaffiero Productions, din id-darba se nitkellmu ma’ Hannelie Van Wyk, mudella mill-Afrika t’Isfel li dan l-aħħar bdiet tieħu sehem f’kompetizzjonijiet lokali. 

Fost is-60 kontestant li kkompetew għal xi titli partikolari, Van Wyk (Mrs Gżira) spiċċat fit-tielet post tal-kategorija Mrs Malta 2022, b’Therese Zammit (Mrs Santa Venera) ittemm fit-tieni post, bir-rebbieħa tkun Christine Camilleri.

Fl-intervista li tatna Hannelie, rajna fiha l-umilta’, l-entużjażmu u anke x-xewqa tagħha li tkompli timraħ f’dan is-settur tant affaxxinanti tal-moda u s-sbuħija.

Iżda kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-moda u s-sbuħija?

“Bdejt meta kont għadni żgħira u komplejt għaddejja ftit ftit sakemm ta’ 18-il sena bdejt nieħu sehem b’mod regolari f’diversi kompetizzjonijiet f’pajjiżi. Irnexxieli nirbaħ xi kompetizzjonijiet u dejjem komplejt għaddejja sabiex dejjem navvanza. Dejjem daħħaltha f’moħħi li taf kemm taf qatt m’hu biżżejjed u għalhekk dejjem żammejt saqajja mal-art.”

Hannelie kellha wkoll diversi opportunitajiet f’Cape Town fl-Afrika t’Isfel stess fejn għamlet sena sħiħa taħdem hemmhekk. Ta’ 24 sena telqet minn pajjiżha sabiex tittanta xortiha f’pajjiżi oħra.

Iżda kif spiċċat Malta eżatt?

“Iltqajt ma’ xi persuni Maltin fil-belt ta’ Johannesburg li semmewli aktar dwar din il-gżira li ma kont naf xejn dwarha. Għalija kienet se tkun ukoll opportunità sabiex immur naħdem f’pajjiż fl-Unjoni Ewropea, fejn ukoll jitkellmu l-Ingliż u barra minn hekk tgħix il-ħajja Mediterranja li jien tant inħobb.”
Hannelie Van Wyk tgħidilna li tħobb ħafna lil Malta speċjalment il-klima Mediterranja li għandha, in-nies li tant huma ġentili, l-ikel li tant hu bnin u tajjeb kif ukoll l-ambjent tipiku Malti. Dawn l-ingredjenti kollha għenuha sabiex issir tħobb ħafna lil pajjiżna tant li stabilixxiet ruħha hawnhekk.

Saqsejniha kif ħassitha meta saret taf li spiċċat fit-tielet post ta’ Mrs Malta 2022.

“Għalkemm m’irbaħtx, xorta waħda kont kuntenta li spiċċajt mal-aqwa tlieta tal-kuntest. Fraħt ħafna lil Christine Camilleri li rebħet Miss Malta 2022 u onorata li kont parti mill-parteċipanti. Ħadt dan il-konkors bħala avventura filwaqt li sirt naf ħafna ħbieb ġodda. Għalija li jien persuna barranija, ħassejtni kuntenta li wasalt s’hawn. Irraġunajt li niġi f’liema post niġi, merħba bih.”

Hannelie Van Wyk hi omm u għalhekk tieħu ħsieb uliedha bl-aqwa għożża possibbli. Għax kif tgħid hi “meta tkun omm, dejjem tibqa’ omm.”

Van Wyk faħħret l-inizjattivi li jieħu Ivan Gaffiero, l-organizzatur ta’ Gaffiero Productions li hu ferm metodiku f’xogħlu apparti li skont hi jinqala’ ħafna sabiex jorganizza dawn it-tip ta’ attivitajiet.

“Ivan Gaffiero hu bniedem li jaħseb f’kulħadd. L-ewwel darba li ltqajt miegħu, laqatni l-mod ta’ kif ikellmek u l-kariżma li għandu. Fuq kollox, wieħed jista’ jsemmi wkoll li hu qalbu tajba u li ħadd ma jibqa’ lura miegħu.”

Bħalma nagħmlu bħas-soltu, insaqsu lill-mudelli din il-mistoqsija partikolari. Kemm hu importanti li mudell jew mudella ma tkunx biss sabiħa minn barra iżda minn ġewwa wkoll?

“Kif jgħidu bl-Ingliż, beauty comes from the inside – is-sbuħija tibda minn ġewwa. Persuna tista’ tkun sabiħa kemm trid iżda jekk ma turix il-ġentilezza tagħha minn ġewwa, kollu għalxejn. Għalhekk mudella għandha tkun sabiħa l-ewwel minn ġewwa u eventwalment minn barra għax imbagħad kif jgħidu l-ewwel li tolqot l-għajn.”

Hannelie tgħidilna wkoll li l-immudellar sa minn meta kienet żgħira dejjem għenha sabiex trabbi l-kunfidenza fiha nnifisha u fl-istess waqt għenha sabiex toħroġ mill-qoxra u l-mistħija.

Iżda x’se jkun il-futur ta’ Hannelie Van Wyk?

“Se nkun qed nieħu sehem f’aktar konkorsi tas-sbuħija minħabba li nħossni komda f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet. Waħda mill-kompetizzjonijiet li veru fadal għaliha u li qed nipprepara għaliha hi Miss SupraNatural 2023 li nixtieq immur tajjeb fiha. Xejn ma jiġi ta’ xejn. Trid tirsisti u taħdem sabiex int tmur tajjeb f’xi tip ta’ kompetizzjoni. Jien hekk nagħmel.”

Van Wyk tgħid ukoll li kienet kuntenta meta l-ġurnali ta’ pajjiżha kitbu artiklu fuqha b’mod partikolari fit-tieni pożizzjoni li kisbet f’Mrs Malta 2022. Hi dehret f’waħda mill-paġni ta’ ġurnal lokali bir-ritratt tagħha qed tiżfila fuq il-palk jew kif jgħidulu bl-Ingliż catwalk.

Finalment tlabna lil Hannelie Van Wyk sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar.

“L-ewwelnett qatt taqta’ qalbek. Irsisti kemm tiflaħ, ħu l-ħin tiegħek, dejjem ibqa’ saqajk mal-art u qatt tibża’ tesperimenta. Wara kollox bl-iżbalji titgħallem.”

“Fl-istess waqt ngħidilhom ukoll sabiex jibdew bil-mod jipprattikaw u eventwalment jekk jiġihom iċ-ċans, imorru għalih.”

“L-esperjenza tgħinek ukoll sabiex dejjem tipperfezzjona. Jien għadni ngħaddi minn din l-esperjenza u l-vjaġġ li qed nagħmel hu ferm sabiħ.”

Ekonomija

Sport