Mill-analiżi forensika tal-bomba għall-flus allegati u l-evidenza diġitali: Il-15-il jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech

Aqra wkoll

Il-prosekuzzjoni kompliet tippreżenta l-każ tagħha fil-15-il jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech, b’sensiela ta’ xhieda li ffukaw fuq aspetti differenti tal-investigazzjoni, fosthom il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, il-pagamenti allegatament organizzati minn Melvin Theuma wara l-arrest tal-allegati eżekuturi, kif ukoll l-analiżi ta’ dokumenti finanzjarji u materjal elettroniku elevat matul l-inkjesta.


L-espert tal-Europol Mario Cmarec kien fost ix-xhieda ewlenin tal-ġurnata. Huwa spjega li mill-analiżi forensika tal-vettura rriżulta li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tas-sewwieq.

Skont il-konklużjonijiet tal-esperti, il-bomba kien fiha bejn 300 u 400 gramma ta’ splussiv u kollox jindika li x’aktarx intuża TNT. Huwa żied li dawn is-sejbiet kienu bbażati fuq eżami tal-fdalijiet tal-karozza u tal-oġġetti rkuprati mix-xena tal-isplużjoni.

Aktar tard xehed Lawrence Pace, magħruf bħala “Lolly”, li qal li Melvin Theuma kien jgħaddilu flus biex jitwasslu lill-familji ta’ Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat wara li dawn kienu spiċċaw arrestati. Pace rrakkonta wkoll li, fuq talba ta’ Muscat, darba wassal envelop b’ammont ta’ flus lil persuna fis-Siġġiewi u wara rritorna r-riċevuta. Waqt il-kontro-eżami sostna li qatt ma kien jaf għaliex kienu qed isiru dawk il-pagamenti.

Ix-xhieda tiegħu kienet segwita minn dik ta’ Joseph Brincat, li kkonferma li kien iwassal il-flus lill-familja Degiorgio. Huwa qal li normalment kien jitlob riċevuta bħala konferma li l-pagament ikun wasal, iżda waqaf jagħmel dan meta f’każ minnhom ma ngħatax prova li l-flus kienu ġew irċevuti.

Il-Qorti semgħet ukoll evidenza relatata mad-dokumentazzjoni finanzjarja ta’ Melvin Theuma. L-eks Compliance Officer tal-BNF Bank, Steven Baldacchino, ippreżenta diversi dokumenti bankarji, fosthom records ta’ pagamenti u ftehim ta’ kiri kummerċjali. Matul il-kontro-eżami huwa ċċara li d-deskrizzjoni ta’ Theuma bħala persuna ta’ “bad repute” ma kinitx saret minnu, iżda minn uffiċjal ieħor tal-bank.

Parti mis-seduta kienet iddedikata wkoll għall-evidenza diġitali. Margaret Debattista spjegat il-ħidma tagħha fit-traskrizzjoni ta’ recordings awdjo elevati matul l-investigazzjoni, filwaqt li Alvin Cardona ddeskriva l-proċess tekniku li bih ġew skennjati dokumenti u estratti 84 recording minn apparat elettroniku elevat mingħand Melvin Theuma, fosthom il-magħrufa “kaxxa tal-ġelat”.

Cardona enfasizza li r-rwol tiegħu kien limitat għall-ipproċessar tekniku tal-materjal u mhux għall-analiżi tal-kontenut tiegħu. Il-ġurati semgħu wkoll lill-eks espert tal-Europol Marco Torri, li spjega kif assista lill-awtoritajiet Maltin fl-eżami forensiku ta’ diversi apparati elettroniċi elevati matul l-investigazzjoni.

Aktar tard xehed is-Supretendent Rennie Stivala, li ta dettalji dwar tfittxija li kienet saret fir-residenza ta’ Ryan Farrugia. Huwa qal li waqt it-tfittxija ġew elevati aktar minn €112,000 fi flus kontanti, ġojjellerija u diversi oġġetti oħra, li sussegwentement ġew eżaminati bl-assistenza ta’ uffiċjali tal-Europol.

Min-naħa tagħha, l-eks impjegata ta’ Melita Limited Marie Claire Tabone ikkonfermat li numru tat-telefon partikolari kien irreġistrat f’isem Edgar Brincat, magħruf bħala “Il-Ġojja”.

Meta ntemmet ix-xhieda disponibbli għas-seduta, il-prosekuzzjoni bdiet taqra xhieda mogħtija f’fażi preċedenti tal-proċeduri. Fosthom kien hemm dik tal-perit Richard Aquilina, li kien inħatar mill-Qorti biex jiddokumenta diversi siti ta’ interess marbuta mal-investigazzjonijiet dwar Melvin Theuma u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhieda tiegħu saret referenza għal appartament fiż-Żurrieq, għal safe deposit boxes fil-fergħa tal-Bank of Valletta fil-Marsa li minnhom kienu ġew elevati aktar minn €781,000 fi flus kontanti, kif ukoll għax-xogħol tiegħu fit-tħejjija tal-pjanta tax-xena tad-delitt u spezzjoni fil-potato shed fil-Marsa.

Inqrat ukoll ix-xhieda ta’ Charmaine Zammit, li dak iż-żmien kienet taħdem mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Epic. Hija spjegat li, fuq talba tal-investigaturi, il-kumpanija kienet ipprovdiet informazzjoni dwar numru tat-telefon irreġistrat f’isem l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Fost id-data mgħoddija kien hemm ukoll informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni ta’ dak in-numru tul perjodu ta’ sena.

Il-ġuri ġie aġġornat għal għada, meta fost ix-xhieda mistennija jixhdu hemm l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u n-negozjant Edgar Brincat, magħruf bħala “Il-Ġojja”.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Yorgen Fenech qed jiddefenduh l-avukati Charles Mercieca, Giannella De Marco u Gianluca Caruana Curran. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia.

Il-ġuri qed jiġi pprosedut quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport