Saturday, December 28, 2024

Mill-Ġimgħa residenti Maltin li huma mlaqqmin jistgħu jagħmlu l-kwarantina f’darhom

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Tidher li din il-pandemija mhijiex ta’ xitwa waħda jew ta’ sena waħda, kemm se ddum għadna ma nafux pero li huwa żgur huwa li mhijiex pandemija ta’ sentejn.” Sostna dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qiegħed jaġġorna b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna.

Huwa spjega li jeħtieġ li nitgħallmu ngħixu mal-pandemija b’tali mod li filwaqt li nafdaw fix-xjenza, inkomplu nippruvaw noqorbu lejn in-normalità tal-ħajja u dan nistgħu nagħmluh billi nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġin mill-awtorità tas-saħħa.

Il-Ministru qal li ħafna nies għejjew waqt din il-pandemija iżda rridu nifhmu li l-virus għadu ma għejjiex u b’hekk jeħtieġ li nibqgħu sodi.

Booster dose għal dawk ‘il fuq minn 70 sena

Il-Ministru ħabbar li minn nhar it-Tnejn persuni ’l fuq minn 70 sena se jibdew jirċievu l-istedina għall-booster dose tal-vaċċin biex b’hekk inkomplu nilqgħu kontra din il-pandemija.

Il-Ministru Fearne ħabbar li filwaqt li għaddejjin b’diskussjonijiet ma’ numru ta’ pajjiżi biex jiġi mgħarraf iċ-ċertifikat tat-tilqim tagħhom, mill-Ġimgħa pajjiżna se jkun qiegħed jirrikonoxxi ċ-ċertifikat tat-tilqim tal-Kanada.

Residenti Maltin se jibdew kwarantina fir-residenza tagħhom

Mill-Ġimgħa dawk li huma mlaqqmin, dawk li għandhom ċertifikat tat-tilqim u għandhom residenza f’pajjiżna, jistgħu jiġu lura minn pajjiż dark red u jagħmlu l-kwarantina f’darhom minflok fil-lukanda. Dan se jkun possibbli jekk fl-istess residenza jgħixu biss ftit persuni li huma mlaqqmin ukoll. Tfal taħt it-12-il sena jridu jippreżentaw test ta’ PCR negattiv.

Ristoranti li jaċċettaw nies imlaqqmin biss se jinħarġulhom protokolli ġodda

Rigward ristoranti u stabbilimenti li jixtiequ li jaċċettaw biss persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Bħala dipartiment din il-ħaġa qatt ma kienet obbligatorja iżda l-vantaġġ tat-tilqim f’dawn l-istabbilimenti jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu ċertu restrizzjonijiet. Għalhekk dawk l-istabbilimenti li b’mod volontarju jiddikjaraw li se jilqgħu biss klijenti li huma kompletament imlaqqma se jkollhom tnaqqis fir-restrizzjonijiet tagħhom. Dawn ir-restrizzjonijiet se jkunu qegħdin jitħabbru fil-jiem li ġejjin wara li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci tiltaqa’ mar-rappreżentanti. B’hekk fil-jiem li ġejjin huwa mifhum li għal dawn l-istabbilimenti jitħabbru protokolli ġodda li jistgħu jinkludu tnaqqis tad-distanza bejn l-imwejjed u anke reviżjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ.

Ekonomija

Sport