Friday, April 19, 2024

“Mill-GWU jidħlu tfal iżda joħorġu nies maturi”

Aqra wkoll

Apprentisti fi ħdan il-GWU iħeġġu żgħażagħ oħra biex jimxu fil-passi tagħhom

Minn Anthea Cachia 

Angie Saliba, Solene Brignone u Quren Borg huma tliet studenti li waslu fi tmiem il-kors akkademiku tagħhom. Il-kors li qed isegwu huma, li huwa bbażat fuq perjodu ta’ sentejn jirrikjedi li filwaqt li jkunu qed imorru l-iskola jkunu qed jagħmlu xi sigħat ta’ xogħol ukol. Inewsmalta tkellem magħhom dwar l-esperjenza tagħhom ġewwa l-General Workers’ Union (GWU). 

Deskritta bħala xogħol li dejjem xtaqet tagħmel, Solene spjegat li tul dan iż-żmien ta’ apprentistat hija ngħatat l-opportunità li titgħallem mhux biss fuq bażi tal-irwoli tagħha fuq il-post tax-xogħol iżda wkoll mill-esperjenzi li kellha ma’ persuni li ltaqgħet magħhom. 

Sadanittant, Quren spjegat kif tul iż-żmien tagħha fi ħdan il-GWU ħadmet f’diversi taqsimiet. Waħda mill-affarijiet li kienet ta’ sodisfazzjon għal din l-istudenta kien proprju l-fatt li hija kellha ċ-ċans li tkun t’għajnuna għal ħaddiema li kienu fil-bżonn, il-prinċipju li fuqu hija mibnija l-Unjin, li tkun ta’ spalla għal kull ħaddiem li għandu bżonn min jisimgħu.

“Il-General Workers’ Union għinitna ħafna biex naħdmu u nkomplu nistinikaw fuq din il-linja li għażilna,” saħqu l-istudenti.

Bħala parti mill-esperjenza tagħhom fl-unjin, ilkoll qablu li tgħallmu diversi affarijiet u mhux biss affarijiet bażiċi bħal l-etika ta’ ġewwa l-uffiċju. Ilkoll għamlu affarijiet varji bħala parti mir-rwol tagħhom ta’ apprentisti, fost it-taqsimiet li kienu fihom kienu fit-taqsima ta’ trasport marittimu u avjazzjoni; Gvern u Entitajiet Publiċi; u Metall u Kostruzzjoni. 

Kollha qablu li waħda mill-affarijiet li laqtithom tul din l-esperjenza kienet il-fatt li gawdew minn opportunitajiet differenti u raw kemm dan ix-xogħol joffri firxa wiesa ta’ x’jista’ joffri.  Ma naqsux milli jsemmu li xogħol dejjem kien varjat minn jieħdu minuti ta’ xi laqgħat għal xi ftehim kollettiv. 

Meta mistoqsija jekk hux ta’ benefiċċju li jaħdmu fl-istess waqt li jistudjaw, li hija parti kruċjali li jirrikjedi l-kors, huma spjegaw kif dan kien importanti ħafna fil-karriera tagħhom għaliex dak li kienu qed jitgħallmu fuqu fuq il-bank tal-iskola setgħu japplikawh ta’ sikwiet fuq il-post tax-xogħol. 

“Kienet esperjenza sabiħa ħafna, tgħallimt u kbirt ħafna, għaliex kienet l-ewwel esperjenza ta’ xogħol. Iltqajt ma’ ħafna karattri ġodda u tgħallimt kif għandek timmaniġja ċertu sitwazzjonijiet.” 

“Jiena nħeġġeġ lil żgħażagħ oħra li se jkollhom bżonn jagħmlu l-apprentistat biex jiġu l-GWU għax minn hawn jidħlu tfal iżda joħorġu nies maturi u vera jkunu jafu x’inhuma jagħmlu u jkunu preparati anke meta jmorru għall-linja tax-xogħol ‘il quddiem, ikunu preparati żgur,” temmet tgħid Quren. 

Sport