Friday, April 19, 2024

“Kollox jindika li Bernard Grech se jtellaq kontra l-ħin”

Aqra wkoll

Jgħid dan l-opinjonista u lecturer fl-Università ta’ Malta Dr George Vital Zammit 

L-opinjonista u lecturer fl-Università ta’ Malta, Dr George Vital Zammit, iddikjara ma’ dan il-ġurnal li kollox qed jindika li l-kap il-ġdid tal-PN Bernard Grech se jkun qiegħed itellaq kontra l-ħin u jrid jieħu deċiżjonijiet importanti biex jagħti direzzjoni ġdida u tama li l-partit mhux biss joffri oppożizzjoni kredibbli u b’saħħitha imma jkun lest jerġa’ jkun fil-Gvern jekk jingħata l-fiduċja. 

Dr Vital Zammit sostna li l-elezzjoni ta’ kap jew mexxej ta’ partit politiku dejjem tnissel bidu ġdid u saħaq li kap ġdid irid joħloq pedament li fuqu jibni l-ideat tiegħu u jfassal disinn ta’ politika li trid twassal lill-partit biex finalment jilħaq il-viżjoni li jemmen fiha. 

“Dr Bernard Grech, il-ħames kap tal-partit minn wara Borg Olivier, qiegħed f’din is-sitwazzjoni. Ingħata ċ-ċavetta mhux biss tal-bieb tal-uffiċċju, ġest simboliku aktar milli sinifikattiv, imma tal-magna politika u organizzattiva tal-PN”.

Huwa sostna li għalkemm issa nfetaħ kapitlu ġdid ikun żball jekk naħsbu li xi ftit paġni mill-kapitlu ta’ qabel huma għal kollox magħluqa u esprima l-fehma li hemm feriti li għadhom miftuħin beraħ li għall-mexxej il-ġdid se tkun sfida rikorrenti.

“Grech irid jaspira fiduċja u jerġa’ jiżra l-entużjażmu” 

Dr Vital Zammit kompla li huwa fatt magħruf f’pajjiżna l-partiti politiċi jistrieħu kważi għal kollox fuq il-volontarjat u biex in-nies jagħtuk il-ħin tagħhom iridu jemmnu fil-partit li qed jimmilitaw fih u għalhekk hawn fejn jidħol rwol determinanti għal Grech.

“F’dawn l-aħħar snin l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kien qed juri li l-PN kien qed jitlef l-appoġġ b’mod kostanti. Grech issa jrid jaspira fiduċja u jerġa’ jiżra l-entużjażmu fil-partit. It-tixrid tal-entużjażmu huwa mezz kif il-partit isib il-voluntiera, iżid it-tesserati u jħajjar uċuħ u talenti ġodda biex ikunu kandidati f’ismu”. 

Huwa żied li l-PN irid jimla karigi li jitbattlu, xi wħud jista’ jkun fix-xhur li ġejjin u oħrajn wara l-elezzjoni li jmiss, u għalkemm ħafna minn dawn il-karigi għandhom kontestazzjoni demokratika hemm raġunament loġiku li dawn jimtlew b’nies li għandhom il-fiduċja tal-Kap. 

Kien hawn li Dr Vital Zammit semma kif waqt li Grech qed ikun innovattiv li jipproponi Viċi Kap femminili meta l-Kap huwa maskili, jew viċi versa, ma jaqbilx li din għandha tkun tassattiva. 

“Grech irid ukoll jassigura li ż-żgħażagħ fi ħdan il-PN jiġbdu ħabel wieħed. Kulħadd seta’ jara kif iż-żewġ fergħat, MŻPN u Team Start, ma kinux qed jaħdmu f’sinerġija. Partit ma jistax ikollu sitwazzjoni bħal din”.  

Grech għandu jagħmel awditjar tal-finanzi tal-PN

Sfida oħra kbira għal Bernard Grech hija l-aspett finanzjarju b’Dr Vital Zammit jenfasizza li “huwa fatt magħruf li l-PN għandu djun kbar li iva, hemm assi li jagħtu garanzija lill-banek għal dawn id-djun, imma li jorbtu u jillimitaw kemm il-partit jista’ jidħol għall-spejjeż bħalma huma kampanji elettorali.

“Dan huwa aspett fejn nistenna li l-partit ikun iktar trasparenti. Huwa minnu li partit li huwa finazjarjament b’saħħu, imma li ma jirbaħx elezzjonijiet, xorta ma jiswa għalxejn. Waqt li partit midjun li jirbaħ l-elezzjonijiet huwa partit li għandu valur. Għax fil-politika mhux il-profitt jgħodd imma li tirbaħ l-elezzjonijiet biex tkun tista’ timplementa l-politika tiegħek”.

Kien hawn li enfasizza li jkun pass tajjeb kieku Grech jikkummissjona rapport dwar il-qagħda finanzjarja li tagħmel ukoll awditjar tad-deċiżjonijiet li wasslu lil-partit f’din is-sitwazzjoni f’dawn l-aħħar 20 sena. 

“Dan ir-rapport ma jkunx intiż biex jippunta subgħajh lejn ħadd imma biex il-partit jagħraf fejn żbalja u jistabilixxi mudelli ta’ finanzjament li jimxu dejjem mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti”.

Dr Vital Zammit kompla li ma’ dan irridu nżidu wkoll il-finanzjament tal-mezzi tax-xandir tal-PN fejn sostna li l-pjattaforma ta’ kif partit jittrażmetti l-messaġġ tiegħu tista’ tevolvi wkoll u tgħaddi għal soluzzjonijiet li huma iktar vijabbli finanzjarjament. 

“Il-PN għandu jibda l-ħidma għall-manifest elettorali”

L-opinjonista semmielna wkoll kif fl-intervisti li ħalla lil mezzi tax-xandir matul it-tellieqa għal kap Bernard Grech ma tantx seta’ jiffoka fuq il-politika nazzjonali għax il-prijorità kienet fuq it-tmexxija tal-partit. 

Madankollu huwa elenka diversi temi ta’ politika nazzjonali fosthom reviżjoni ta’ kuntratti u proċessi li huma mtappnin b’irregolaritajiet jew suspetti ta’ korruzzjoni, istituzzjonijiet li jimbuttaw u mhux ixekklu l-parteċipazzjoni tal-mara fil-ħajja pubblika, it-tisħiħ tal-governanza tajba u tas-saltna tad-dritt kif ukoll il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà. 

“It-tfassil ta’ viżjoni trid tieħu żewġ fażijiet. L-ewwel fażi se tkun dik li fix-xhur li ġejjin il-PN jipprepara manifest għall-elezzjoni ġenerali. Lil hinn mill-ispekulazzjonijiet, il-partit irid ikun lest jilqa’ din l-isfida. Grech m’għandux għalfejn jibni r-rota mill-ġdid imma jkompli jibni fuq ix-xogħol li diġà sar, bħal ħolqien tal-clusters, flimkien mal-Grupp Parlamentari kollu”. 

It-tieni fażi tkun dik fejn il-partit jibni politika għall-20 sena li jmiss, allura għall-ġenerazzjoni li jmiss, biex jipprova jerġa’ jkun partit li joffri soluzzjonijiet mhux biss fl-immedjat imma fit-tul u b’kapaċità li jantiċipa u jaqra l-isfidi ta’ għada, żied jgħid Dr Vital Zammit.

Sport