Friday, December 13, 2024

Mill-inqas 46 immigrant jinstabu mejtin fi trakk abbandunat f’Texas

Aqra wkoll

Mill-inqas 46 persuna nstabu mejta f’trakk abbandunat fil-periferija ta’ San Antonio, Texas.

Uffiċjal tat-tifi tan-nar qal li 16-il persuna, inklużi erbat itfal, ittieħdu wkoll l-isptar.

Dawk li salvaw instabu f’temperaturi jaħarqu u jbatu minn puplesija tas-sħana u eżawriment tas-sħana.

San Antonio, tinsab 250 Kilometru mill-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, hija rotta magħrufa għat-traffikar ta’ persuni.

It-traffikanti tal-bnedmin spiss jużaw trakkijiet biex jittrasportaw immigranti mingħajr dokumenti wara li jiltaqgħu magħhom f’żoni remoti ladarba jkun rnexxielhom jaqsmu lejn l-Istati Uniti.

“Kellhom familji… u x’aktarx kienu qed jippruvaw isibu ħajja aħjar,” qal is-Sindku ta’ San Antonio Ron Nirenberg filwaqt li ddeskriva s-sitwazzjoni bħala traġedja orribbli.

L-uffiċjal għoli fid-dipartiment tat-tifi tan-nar Charles Hood fakkar dwar il-ħidma tal-uffiċjali li jisbħu f’xena makabra bħal din. Hood qal li t-trakk tħalla abbandunat mix-xufier u li dawk li kienu fih la kellhom arja kundizzjonata u l-anqas ilma tax-xorb.

Tliet persuni qed jinżammu taħt arrest u l-investigazzjoni ġiet mgħoddija lill-aġenti federali.

Ekonomija

Sport