Tuesday, April 23, 2024

“Nista’ naċċetta kull biċċa xogħol li tidħolli … imma l-onestà hija iktar importanti għalija”

Kantant jispjega dwar il-bżonn li l-artisti jserrħu l-vuċi tagħhom

Aqra wkoll

Artist ta’ 48 sena li jaħdem fix-xena tal-mużika esprima x’qiegħed itaqqallu ħsibijietu f’din il-linja tax-xogħol tiegħu. Huwa jistqarr li ta’ kull filgħaxija kien iqatta’ sagħtejn jew iżjed ikanta u nnota li jekk ma jagħmilx ġurnata wieqaf bejn lejl ta’ gigs u ieħor dan ikun ta’ detriment għall-vuċi tiegħu. 

Għalhekk, l-artist ikompli jispjega li sfortunatament se jkun hemm drabi meta lin-nies se jgħidilhom li f’ċerti ġranet mhux se jkun jista’ jkanta. Però, huwa jisħaq li dan mhux qed jagħmlu bi skuża; anzi pjuttost għaliex iħaddan il-valur tal-onestà: “Fil-verità jiena nista’ naċċetta kull biċċa xogħol li tidħolli, imbagħad meta niġi għas-si n-no ma nagħmilx l-almu kollu tiegħi. Kemm ngħid kantajt u qlajt xi ħaġa tal-flus… imma għalija l-onestà hija iktar importanti mill-flus”.

L-artist ifisser li għal din ir-raġuni, huwa ddeċieda li jibda jaħdem bħala DJ professjonali wkoll, sabiex meta tinqala’ opportunità tajba jkun jista’ jagħmel dan ix-xogħol filwaqt li jserraħ il-vuċi wara ljieli ta’ kant.

Huwa jtemm il-messaġġ tiegħu billi jesprimi s-sogħba li ma jistax ikanta 24 siegħa kuljum, però jagħraf li hemm limitu fuq kemm tista’ titfa’ pressjoni fuq il-vuċi, speċjalment iktar ma tikber fl-età.

Fost dawk li ssimpatizzaw mal-kantant kien hemm il-kantant lokali Lawrence Gray: “Nifhmek perfettament sieħbi u nissimpatizza miegħek għax m’intix waħdek f’din is-sitwazzjoni. In-nies jaħsbuha xi ħaġa faċli li tkun kantant u li tagħti prestazzjoni mill-aqwa f’kull serata ta’ kant sabiex tferraħ lill-udjenza, però r-realtà hija differenti”. 

Gray temm jgħid li għall-kantanti, il-mużika hija ħajjithom u mingħajrha mhuma xejn, imma ma naqasx milli jfakkar lil dan il-kantant sabiex jibża’ għall-vuċi tiegħu.

Sport