Minn MARIA AZZOPARDI
Il-Ministru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli qalet li għaddejjin b’taħdidiet kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell diplomatiku biex ikun hemm aktar pajjiżi li jingħaqdu mal-lista ta’ pajjiżi li se jkollna titjiriet lejhom u minnhom mill-1 ta’ Lulju li ġej. Hija ħabbret li jinsabu fi stadju avvanzat u hemm mill-inqas ħames pajjiżi oħra li jistgħu jiżdiedu flimkien ma’ dawk id-19-il destinazzjoni li diġà ġew imħabbra.
Hija qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) Johan Buttigieg fejn spjegaw uħud mill-miżuri mħabbra fil-pjan ta’ riġenerazzjoni u kif dan se jħalli impatt konsiderevoli fuq l-industrija tat-turiżmu. Dan huwa tassew importanti b’mod speċjali meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni li t-turiżmu huwa s-sinsla tal-ekonomija f’pajjiżna.
Il-miżuri mħabbra se jkunu qed jgħinu biex innaqqsu l-kriżi u fl-istess waqt nistimolaw l-ekonomija Maltija sakemm eventwalment jerġa’ jiftaħ l-ajruport mill-1 ta’ Lulju. Buttigieg qal li wieħed m’għandux jinsa li bħalissa s-swieq internazzjonali kollha se jkunu qegħdin ħafna iżjed jippruvaw jattiraw turisti lejn xtuthom. “B’hekk,” qal Buttigieg, “f’din il-kompetizzjoni rridu nkunu ferm aktar b’saħħitna biex nattiraw aktar nies lejn pajjiżna,” filwaqt li qal li sa Marzu 2020, Jannar u Frar kienu l-aqwa xhur li Malta kellha fejn kważi rduppjat l-ammont ta’ turisti f’dawn l-aħħar għaxar snin.
340,000 ċittadin se jkun qed jirċievu l-vawċers ta’ €100
Wieħed mill-binarji ta’ dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni jittratta proprju t-turiżmu intern fejn se jkun qed jixpruna eluf ta’ nies li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena biex mill-ġdid jerġgħu jmorru f’dawk l-istabilimenti li ġew affettwati minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Huwa jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ vawċers ta’ €20 kull wieħed li jammontaw għal €100 u li se jagħtu injezzjoni lis-settur turistiku. B’kollox, 340,000 ċittadin se jkun qed jirċievu dawn il-vawċers fejn €80 minn dawn il-€100 se jkunu jistgħu jintużaw f’dawk l-industriji marbuta mat-turiżmu, bħal ristoranti, ħwienet tal-catering, lukandi, diving schools u oħrajn li b’xi mod jew ieħor il-liċenzja toħroġ mill-MTA. Dawn se jkollhom QR code fejn wieħed jieħu l-vawċer għand tal-ħanut, jiġi scanned u jsir trasferiment b’mod immedjat mill-kont tal-gvern għall-kont tal-individwu li jkun qed jagħti s-servizz.
L-€20 l-oħra se jkunu kkuluriti b’mod differenti mill-erba’ vawċers l-oħra u jistgħu jintużaw fi kwalunkwe intrapriża li b’xi mod jew ieħor kellha tingħalaq matul il-pandemija tal-Covid-19 fosthom ħwienet tal-ħwejjeġ u hairdressors.
Il-Ministru Farrugia Portelli għamlet referenza għal uħud mill-miżuri l-oħra li tħabbru fil-pjan ta’ riġenerazzjoni fosthom it-traħħis ta’ nofs il-kont tad-dawl u l-ilma tal-intrapriża fejn 20,000 negozju se jkun qiegħed milqut b’mod pożittiv b’din id-deċiżjoni. Hija tkellmet ukoll dwar ir-rifużjoni lil dawk in-negozji li ħalsu l-liċenzja għall-operat fl-aħħar sena. Minn din il-miżura se jkunu milquta 12,000 negozju fejn 9,000 minnhom huma marbuta mat-turiżmu.
Il-Ministru Farrugia Portelli għamlet referenza ukoll għat-traħħis fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel li minnu se jgawdu n-negozji tagħna u se jimpatta b’mod pożittiv l-industrija tat-turiżmu. Hija semmiet ukoll l-għajnuna li se tingħata lil dawk il-koppji li kienu se jiżżewġu u ntlaqtu minħabba d-deċiżjonijiet li kellha tieħu d-dinja. Permezz ta’ din l-għajnuna l-Gvern mhux biss se jkun qed jgħin lill-koppji imma jtaffi uħud mid-diffikultajiet minħabba l-bidliet li kellhom jagħmlu.