Monday, December 23, 2024

Mill-Parlament Ewropew: il-Politika Agrikola Komuni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub mill-Ewroparlamentari Miriam Dalli

Bir-rata tal-imxija tal-COVID tiżdied fi Brussell ukoll, il-Parlament Ewropew ħa d-deċiżjoni li s-sessjoni Plenarja tal-ġimgħa d-dieħla issir b’mod remot. Ovvjament din id-deċiżjoni ma niżlitx tajba mal-Franċiżi: skont it-Trattati, is-siġġu tal-Plenarja jinsab fi Strasburgu. 

Imma n-numru ta’ każijiet dejjem jiżdiedu fil-Belġju u fi Franza ma jistgħux ikunu injorati.

Is-sessjoni plenarja se tinkludi vot importanti għall-qasam agrikolu Ewropew, il-vot fuq il-Politika Agrikola Komuni. Dan hu pjan ta’ ħames snin li dejjem ikun kontroversjali u ħafna drabi ma’ jispiċċa jogħġob lil ħadd għaliex fih jidħlu ħafna elementi differenti: dak agrikolu, dak ambjentali u dak soċjali. 

Bħala Viċi President tas-Soċjal Demokratiċi kelli niffaċilità n-negozjati bejn il-kumitati differenti biex bħala Grupp Politiku jkollna pożizzjoni komuni. L-għan tagħna kien li dan pjan jipprova jilħaq bilanċ bejn it-tlett oqsma differenti, fejn il-bidwi ż-żgħir ma jkunx iddiskriminat kontra l-kumpaniji agrarji kbar – u fejn l-ambjent ikun protett. Bilanċ li mhux dejjem faċli tilħaq.

COVID-19 uriet biċ-ċar kemm il-bidwi, u l-ħaddiema li jipproduċu prodotti agrikoli lokali huma essenzjali. Dan mhux biss minħabba l-fatt li l-konsumatur jaf li qed jixtri prodott ġenwin imma rajna kemm il-prodott lokali huwa mportanti f’mument ta’ sfida. Li ma kienx għall-bdiewa, per eżempju, f’Malta kien ikollna nuqqas ta’ provvista ta’ frott u ħaxix wara li l-pajjiżi marru f’lockdown. Għalhekk, il-ħidma u l-prodotti tal-bdiewa Maltin u Għawdxin kienu essenzjali.

Il-bdiewa tagħna jiffaċċjaw kompetizzjoni minn prodotti impurtati u għalhekk nemmen fil-ħtieġa li nippromwovu ħafna aktar prodott lokali ġenwin. Biex nipproteġu l-bidwi mill-kompetizzjoni rridu ngħinuhom jinvestu f’makkinarju u prattiċi moderni li jipproteġu l-ambjent. Illum il-ġurnata aktar konsumaturi huma konxji dwar xi jmur fl-ikel tagħna – bħal pestiċida u antibijotiċi – u hemm metodi u riżorsi naturali ta’ kif bidwi jew raħħal ikabbar il-prodott tiegħu mingħajr ma jkun ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem. 

B’dan il-ħsieb f’moħħna bħala delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew se nkomplu naħdmu fl-aħjar interessi ta’ Malta u l-Maltin u l-Għawdxin.

Ekonomija

Sport