Saturday, November 2, 2024

Mimlija enerġija u determinata li tbiddel l-affarijiet għall-aħjar

Aqra wkoll

L-Onor. Miriam Dalli – Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli li f’din l-intervista fost oħrajn tagħti l-viżjoni tagħha u tal-Ministeru li hi tmexxi għal dawn it-temi għal din is-sena

Kif tiddeskrivi lilek innifsek?

Fil-verità ma tantx inħossni komda niddeskrivi lili nnifsi. Aktar nistenna li ħaddieħor jiddeskrivini. Madankollu nista’ ngħid li jien bniedma determinata, mimlija enerġija u dejjem nara li nkun nista’ nbiddel l-affarijiet għall-aħjar. Dan kollu nagħmlu għax nixtieq nara l-kwalità tal-ħajja tan-nies timxi dejjem aktar ‘il quddiem.

Għalkemm illum ffokata fuq ir-rwol tiegħek hawn Malta, il-ħidma tiegħek għall-ġid tal-pajjiż ma bdietx biss f’dawn l-aħħar xhur. Liema huma l-kisbiet tiegħek bħala Membru Ewro-Parlamentari li l-aktar li int kburija bihom?Nista’ ngħid li ftit taż-żmien ilu ġejt maħtura bħala viċi-president tal-grupp politiku soċjal-demokratiku. Inċidentalment kont ukoll l-ewwel viċi-president minn Malta u l-ewwel kordinatriċi fil-kumitat li jieħu ħsieb l-ambjent. Kelli l-għan li nara li liġi partikolari li kapaċi tnaqqas it-tniġġiż mill-karozzi tiġi fis-seħħ. Nista’ ngħid li kellna negozjati tajbin ħafna u wasalna għal diversi soluzzjonijiet. Kont ferm kburija li ġejt inkluża mir-rivista Politico fost l-aqwa 28 politiċi fl-Unjoni Ewropea.

Id-dekasteru tiegħek jinġabar taħt tliet temi ewlenin: Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli. L-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta li qed naraw dawn it-tliet temi abbinati b’dan il-mod taħt Ministeru wieħed. X’inhi l-viżjoni tiegħek?

Dawn huma tliet suġġetti li fl-opinjoni tiegħi jmorru ħafna flimkien. Għandi l-viżjoni li nwassal lil Malta għal iktar sostenibbilta’ fejn il-politika, il-lat soċjali u l-ambjent jiġu amalgamati. Fil-fatt permezz ta’ ekonomija b’saħħitha jista’ jkollna aktar protezzjoni soċjali bil-pilastru ambjentali li jibqa’ kruċjali. Irridu naħdmu sabiex ikollna enerġija aktar nadifa u li ma tniġġiżx. Naslu għal dak li nsejħulu dekarbonizazzjoni fejn inneħħu kull tip ta’ enerġija li tħammeġ l-ambjent. Għandna bżonn nieħdu ħsieb l-ambjent dejjem aktar għax fuq kollox se jkunu qed igawdu mhux biss uliedna iżda wkoll il-ġenerazzjonijiet ta’ wara.

Din il-viżjoni rridu nqisuha f’kuntest ta’ pandemija: inti sejjaħtilha sfida imma wkoll opportunità għan-negozji Maltin biex jagħmlu l-qabża lejn is-sostenibilità. Ejja nibdew mill-fatt li jridu jkampaw finanzjarjament. Qed taħdem mill-qrib mal-Malta Enterprise. Tispjegalna l-ħsieb wara l-għajnuniet li qed jingħataw lill-familji u negozji?

Kburija ngħid li aħna wieħed mill-ewwel pajjiżi li tajna l-għajnuna lin-negozji sabiex insaħħu l-impjiegi u l-interessi tal-ħaddiema. Fil-fatt aħna bħala Malta kellna l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea filwaqt li tajna l-wage supplement li bih salvajna 100,000 impjieg. Ridna li d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu protetti. Din il-pandemija ma kinitx xi ħaġa faċli għal ħadd. Ridna naraw li bħala gvern nagħmlu tajjeb għal min intlaqat direttament minnha. Madankollu aħna konna proattivi sabiex nevitaw problemi kbar. Irnexxielna kollha flimkien. Issa l-pass li jmiss se jkun li ngħinu lill-kumpaniji jerġgħu jikbru ġaladarba kollox jirritorna lura għan-normal.

Inti sħaqt kemm-il darba li apparti li rridu nkampaw, irridu nħarsu lejn il-pandemija globali bħala opportunità biex nirrevedu d-drawwiet tagħna. Tista’ telabora?

Jien nemmen li l-pandemija ġabet kuxjenza fost in-nies biex ma nieħdux l-affarijiet qisu xejn m’hu xejn. Inħoss li din il-pandemija tatna skoss kbir sabiex naħsbu dejjem aktar fuq l-azzjonijiet li nagħmlu. Fuq kollox, bħala bnedmin indunajna li rridu nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna. Naħseb li bħala bnedmin madwar id-dinja bdejna nindunaw li dak li għamilna fil-passat ma tantx kien daqshekk sabiħ għall-ambjent. Issa rridu naraw li dik il-ħsara li saret ma nħalluhiex tikber. U hawn hu r-rwol tagħna l-bnedmin li nagħtu kas iktar. Fost l-oħrajn li ma naħlux ilma u li ma narmux il-plastik kif ġie ġie. Saret wisq ħsara lill-ambjent f’dawn l-aħħar snin u sfortunatament irridu naġixxu jekk ma rridux inbatu aktar konsegwenzi.

Tema oħra li ssemmi spiss hija l-Innovazzjoni. Ftit ilu ħabbart li kienet approvata u maħruġa l-liċenzja għall-produzjoni ta’ prodotti relatati mal-kannabis mediċinali għall-esportazzjoni. Fejn aktar nistgħu nkunu innovattivi?

Din il-ġimgħa stess diversi aġenziji lokali investew nofs miljun ewro sabiex iħarrġu riċerkaturi Maltin fuq diversi proġetti ta’ enerġija li kapaċi jgħinu f’dan ir-rigward. Fost id-diversi proġetti hemm kif nistgħu jkollna nikkunsmaw aħjar l-ilma, l-użu ta’ pannelli solari li jkunu aktar effiċjenti, użu aħjar ta’ batteriji u ħafna alternattivi oħra li jissalvagwardjaw l-ambjent. Nemmen li jekk ninkoraġixxu dawn l-ideat bla dubju se nkunu nistgħu nimxu dejjem aktar ‘il quddiem f’dan ir-rigward. Qed nippruvaw inkunu proattivi f’dan ir-rigward u noħorġu b’ideat li jistgħu jagħmlu ġid kbir.

X’inhi l-viżjoni tiegħek fil-qasam tal-enerġija? Nafu li jrid ikollna energy mix, supply li nistgħu noqdu fuqha u li rridu nużaw mezzi li jarmu l-inqas emmissjonijiet possibbli jew li saħansitra ma jarmu ebda emmissjoni. Kif se naslu s’hemm?

Kif għedtlek diġà hemm diversi ideat innovattivi li qed naħdmu fuqhom sabiex ikollna alternattivi li jgħinu lill-ambjent ta’ madwarna. Ma ninsewx li għamilna qabża kbira mill-heavy fuel oil għal LNG f’dak li għandu x’jaqsam enerġija. Din kienet qabża li bdiet tagħmel l-effett immedjat tagħha. Qed inħares ‘il quddiem sabiex nagħtu lin-nies ambjent aħjar u alternattivi oħra ta’ enerġija. 

Kemm taħseb li hija realistika li Malta u Għawdex mhux biss ibiddlu l-atitudni tagħhom lejn is-sostenibilità imma saħansitra jilħqu l-miri stabbiliti għall-iżvilupp sostenibbli u carbon neutrality sal-2050?

Nemmen li kapaċi nagħmlu dan kollu għax kieku mhux qiegħda hawn. Ovvjament mhux xi ħaġa faċli iżda hemm miri li kapaċi nilħqu jekk inkunu katina waħda magħqudin flimkien. Jekk jirnexxielna nagħmlu dan se jkun qed igawdi l-pajjiż kollu u fuq kollox il-poplu Malti u Għawdxi. Jien persuna ottimista u nara kif nista’ ntejjeb il-ħajja tal-poplu Malti f’dan ir-rigward.

Il-viżjoni tiegħek ma tieqafx biss mas-setturi li semmejna s’issa. Infakkru fil-ħidma tiegħek favur l-inklużjoni tan-nisa fid-dinja politika. Ħloqt u għadek tieħu ħsieb il-programm LEAD. Kif evolva tul iż-żmien, x’riżultati qed jikseb, u tibqa’ tarah relevanti għas-snin li ġejjin?

Qed nieħu pjaċir li saqsejtni din il-mistoqsija. Qed naħdmu ħafna sabiex naraw aktar parteċipazzjoni min-naħa tan-nisa fil-politika. Jien insejħilha tal-mistħija li minn 67 deputat parlamentari għandna biss disa’ membri femminili fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Irridu nagħmlu xi ħaġa sabiex naraw aktar parteċipazzjoni min-naħa tan-nisa. Irridu naraw li l-ugwaljanza tiġi pprattikata wkoll f’dan ir-rigward. Ċertament li programm bħal LEAD għen sabiex in-nisa f’Malta jkunu jistgħu jiġu mħarrġa fuq il-lat pożittiv tal-politika u kif jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv. Għandna bżonn aktar nisa fil-qasam tax-xogħol u negħlbu ċerti preġudizzji li sfortunament għadhom ma telqux għal kollox.

Jien niftakar sew meta ommi kellha tabbanduna x-xogħol tagħha sempliċement għax kellha t-tfal. Niftakar kemm kienet iddispjaċuta li xi ħadd iddeċieda għaliha fuq il-karriera tagħha. Nirringrazzjaw il-Bambin dak iż-żmien għadda u minn dak iż-żmien ‘l hawn għamilna passi ‘l quddiem. Madankollu għadu mhux biżżejjed għax nerġa’ ntenni rridu naraw parteċipazzjoni aqwa min-nisa fil-politika.

Fl-aħħar nett, Malta bħalissa qed tagħti l-vaċċin għall-Covid-19. Dan kien possibbli grazzi għall-ħidma tal-Gvern Malti, is-sistema tas-Saħħa tagħna u għas-sistema ta’ xiri konġunt li ġiet adottata mill-pajjiżi Ewropej biex l-ebda pajjiż ma jkun żvantaġġjat. X’kienet il-ħidma li wettaqt f’dan is-sens? Mil-lat ta’ negozji li issa qed iħarsu lejn 2021 bħala s-sena tal-bidu ta’ rkupru, x’ħidma qed tippjanaw?

Minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, kulħadd kellu jbiddel il-mod ta’ kif jaħdem. Ħdimna ħafna mid-dar u anke bħala membri Ewropej kellna no-qogħdu lura milli nsiefru lejn il-parlament Ewropew. Fuq kollox jekk nitkellmu dwar il-vaċċin, bħalissa t-tilqim għaddej ġmielu fejn qed nagħtu l-ewwel dożi lill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur mediku kif ukoll lil dawk in-nies vulnerabbli.

Irridu naraw li bil-mod il-mod il-ħajja tagħna terġa’ tiġi għan-normal fejn kull wieħed u waħda minnha jerġa’ jgħix bil-mod tipiku tiegħu. Dan kollu jista’ jseħħ jekk inkunu tim wieħed u kollha flimkien nemmnu li nistgħu naslu. 

Sport