Sunday, December 22, 2024

MIN?

Aqra wkoll

It-trasparenza fl-amministrazzjoni ta’ pajjiż hi kruċjali, dejjem jekk ikollha salvagwardji li jħarsu s-sigurtà tal-art u t-tmexxija bil-galbu tal-ekonomija u tal-ġustizzja.

Dan ifisser li d-deċiżjonijiet jridu jinħmew tajjeb u jittieħdu fi proċess ċar mit-tmexxija sal-konklużjoni tiegħu. Min jieħu d-deċiżjonijiet irid ikun lest jerfa’ r-responsabbiltà għal li jkun wettaq u billi jkun lest jispjega x’wassal għad-deċiżjoni.

Li jiskantani hu kif f’numru ta’ deċiżjonijiet donnu ħadd ma jaf jew lest ifisser tajjeb kif ittieħdu d-deċiżjonijiet u min ħadhom. Numru ta’ uffiċjali donnhom ikun involuti imma fl-aħħar huma ma jassumux responsabbiltà għad-deċiżjoni. Mela min?

…Għax il-proċess li bih ittieħdet id-deciżjoni kien sparpaljat fost diversi entijiet u personalitajiet… Għax ma nżammux minuti jew records oħra ta’ x’sar … Għax titwarrab it-talba biex il-proċess ta’ deċiżjoni jiġi awditjat… Dawn u tifsiriet oħra huma kollha maniġġi kundannabbli.

LESLIE AGIUS

Fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor, is-servizz diplomatiku kien qed jinbena bħala korp għalih fiċ-ċivil. L-ewwel mewġa ta’ rekluti inkludiet pijunieri tad-diplomazija bħal Evarist Saliba u Victor Gauci. Immedjatament warajhom, daħlu diplomatiċi “ġodda” bħal Leslie Agius u fis-sena ta’ wara Victor Camilleri u Maurice Lubrano (jien magħhom).

L-ewwel (u l-aħħar) posting tiegħi fis-sena 1970 kien fl-ambaxxata ta’ Brussels. Hemm għal sentejn kont fl-istess uffiċċju ma’ Leslie, li b’ġentilezza u diplomazija urieni kif isiru l-affarijiet. Tgħallimt ħafna dwar dawn il-kwalitajiet mingħandu għalkemm ma rnexxilix matul is-snin nagħti xhieda tajba tagħhom daqskemm messni, jew daqskemm kien jagħti hu. Għadni sal-lum ngħożż l-ospitalità tiegħu u ta’ martu Victoria: fost okkażjonijiet oħra, biex insegwu f’darhom il-logħba football finali tat-Tazza tad-Dinja.

Imbagħad huma telqu għal posting ġdid f’Ruma. Qatt ma ħdimna aktar flimkien. Bħali, wara xi snin, telaq mis-servizz diplomatiku, għalkemm xi żmien wara reġa’ serva fil-kariga ta’ ambaxxatur.

Inħsadt u tnikkitt ħafna bl-aħbar ta’ mewtu. Kien ħabib tal-aqwa stima. Il-kondoljanzi profondi tiegħi jmorru lejn familtu.

IMĠIBA PROFESSJONALI

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed nasal għall-konklużjoni li waħda mill-affarijiet li rridu ntejbu f’pajjiżna hi s-sorvelja tal-imġiba professjonali. Fil-qasam tal-bini, drajna nwaħħlu fir-regħba tal-iżviluppaturi. U għandna raġun. Fil-qasam tal-ġustizzja, nwaħħlu fil-fondi, riżorsi, binjiet eċċ. allokati għall-qrati. U għandna raġun. Fil-qasam tas-saħħa, għax hekk u hemm… U għandna raġun.

Imma min qed jissorvelja lill-periti, il-ġudikanti u l-avukati, it-tobba…?

Ninsabu sodisfatti b’din is-sorvelja?

Jidher li iva, għax il-kondotta professjonali qatt ma tissemma fl-ilmenti mqajma. Forsi, kieku kellu jkun mod ieħor u wieħed kellu jipprova jaqbad dil-problema minn qrunha bis-serjetà… għax hi problema!… jinqalgħu t-tempesti kollha.

Ekonomija

Sport