Friday, November 15, 2024

“Min hu fuq xogħol remot irid jaħdem mill-inqas 40 siegħa fl-uffiċċju”

Għall-biljunarju Elon Musk xogħol mid-dar mhuwiex aċċettabbli

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Email li ntbagħtet minn Elon Musk lill-amministrazzjonijiet tal-kumpaniji tiegħu poġġiet f’pożizzjoni antipatika ħafna lill-impjegati wara li nfurmahom li x-xogħol remot mhuwiex aktar aċċettabbli. Dan wara li fis-sentejn tal-pandemija tal-Covid-19 ħafna ħaddiema madwar id-dinja qalbu jaħdmu mid-dar biex tkun ikkontrollata l-imxija li qatlet 6.3 miljun persuna.

Filwaqt li ddikjara li x-xogħol remot m’għadux aċċettabbli, huwa ta struzzjonijiet strambi fejn qal li, “kull min jixtieq li jagħmel xogħol remot irid jagħmel mill-inqas 40 siegħa fil-ġimgħa fl-uffiċċju jew inkella jirriżenja minn Tesla. Dan huwa ferm inqas minn dak li huwa mitlub mill-impjegati ta’ Tesla”. 

Dan l-ammont ta’ siegħat huwa ekwivalenti għas-siegħat ta’ impjieg full time u għaldaqstant Musk ma ħalla ebda triq oħra għall-impjegati ħlief dik li jergġħu jibdew jaħdmu l-ħin kollu fl-uffiċċju. In-negozjant kontroversjali m’għalaqx il-bibien kompletament tan-negozjati fejn kiteb li “jekk hemm xi kontributuri f’ċirkostanzi eċċezzjonali li għalihom din il-bidla hija impossibbli, lest li nara l-każ individwali tagħhom personalment”.

Is-sarima fuq dawn il-ħaddiema kompliet tingħafas hekk kif Musk insista wkoll li l-ħin fl-uffiċċju jrid isir f’wieħed mill-uffiċċji ewlenin tal-istess kumpanija Tesla. Bħallikieku ma kienx biżżejjed, “biex ikun ċar daqs il-kristall”, Musk bagħat email oħra lill-membri tal-eżekuttiv tiegħu fejn reġa’ rrepeta l-istruzzjonijiet tiegħu u żied li kull min ma jmurx fl-uffiċċju huma se jassumu li l-ħaddiem assenti għażel li jirriżenja.

Huwa ġġustifika din il-pożizzjoni riġida billi qal li aktar mal-pożizzjoni tal-ħaddiem hija għolja, aktar hemm bżonn tal-preżenza fiżika tagħhom fl-uffiċċju. Hawnhekk Musk ġab l-eżempju tiegħu nnifsu fejn qal li kien għalhekk li huwa għażel li jgħix fil-fabbrika. “B’hekk kulħadd seta’ jarani naħdem fit-tim. Jekk m’għamiltx hekk, kieku Tesla ilha li falliet,” sostna s-sid tal-kumpanija Tesla.

Musk kompla jattakka lill-ħaddiema bil-pulit fejn qal li huwa minnu li ċertu kumpaniji ma jirrikjedux li ssir il-bidla fix-xogħol remot iżda żied jistaqsi, “meta kienet l-aħħar okkażjoni li dawn introduċew prodott ġdid? Tesla għamlet u se tkompli tagħmel l-aktar prodotti importanti u eċċitanti għad-dinja u dan ma jistax isir permezz tat-telefon”. 

Ekonomija

Sport