Saturday, December 21, 2024

MIN HU ĠURNALIST?

Aqra wkoll

Xi kultant fil-polemiki li jinsabu għaddejja dwar il-libertà tal-kelma, nammetti li nħossni konfuż dwar l-użu tal-kelma “ġurnalist”. Kull min jikteb blogg jew artiklu f’gazzetta hu ġurnalist? Fis-snin li ili nħarbex għall-gazzetti nimmaġina li ktibt bejn 3 u 4 miljun kelma, forsi aktar, bl-Ingliż u bil-Malti, b’ismi u b’nom de plume, il-maġġoranza dwar affarijiet kurrenti.

Qatt ma qiest lili nnifsi bħala “ġurnalist”, anke meta aktar minn darba semmejt affarijiet li ħadd ma semma qabel u setgħu kienu “news”. Illum saret tintuża l-kelma ta’ “opinjonista” għal xi ħadd hekk. Ħaġa ovvja: f’dak li ktibt, kien hemm il-linja politika u ekonomika li naqbel magħha. 

Individwi oħra – kif kellhom kull dritt – għamlu l-istess ħaġa. Forsi, biex inkun għedt kollox, uħud kienu partiġġjani aktar minni… u mhux lejn il-Labour. Imma nsibha ftit konfuża l-biċċa li huma, u min jappoġġjahom, issa qed jiġu preżentati bħala “ġurnalisti”.

***

MEDITERRAN MAGĦQUD 

Il-Mediterran dejjem kien baħar ċentrali, fis-sens li jġonġi tliet kontinenti. Minnu xterdu l-ħsus taċ-ċiviltà Ewropea qabel din ippruvat tinxtered mad-dinja. Għal sekli kien hemm bħal unità organika bejn il-partijiet tiegħu. Imbagħad għal sekli wara u sal-lum intilfet, ġieli għal kollox.

Fil-fatt, il-firda saret karatteristika li tiddistingwi r-reġjun – bejn nord u sud, u anke bejn partijiet tal-lvant u l-punent. Jaħti għal dan hu l-wirt tal-kolonjaliżmu imma mhux biss. Hemm ukoll l-impatt tal-prattika reliġjuża jew dak li ħa postha – bejn nord u sud tinħass il-firda f’hekk. 

Forsi fattur aktar qawwi ġej mill-istituzzjonijiet politiċi u ċivili li fil-mod kif jaħdmu u jitħaddmu ma jiffunzjonawx skont binarji simili. Iżżid ma’ dan l-effetti ta’ demografija li tvarja bil-kbir minn pajjiż għal ieħor u għandek hemm ir-riċetta mhux għall-għaqda fir-reġjun imma għad-dissonanza.

***

TAGĦLIM TAX-XJENZI

Wieħed jixtieq jisma’ aktar dwar it-tagħlim tax-xjenzi u kif qed jitrawwem sa mill-iskejjel primarji. Erġajt smajt dan l-aħħar kemm għadha ċkejkna u superfiċjali fostna l-kultura xjentifika. Għaddejjin sforzi biex ix-xjenza tiġi popularizzata li m’hemmx dubju, għandhom jingħataw kull rikonoxximent.

Madankollu, hu fl-istrutturar għaqli tal-korsijiet mogħtija sa mill-aktar snin bikrija tal-ħajja li tinsab iċ-ċavetta għal kif ix-xjenzi jistgħu jiksbu l-predominanza li jixirqilhom. Aktar minn hekk irid ikun hemm impenn biex ma’ din l-istruttura jiġu dedikati riżorsi ta’ personnel u materjal meħtieġ għat-tagħlim li jibqgħu jiġu sostnuti minn sena għal sena.

Politika li tippromwovi x-xjenza ma tridx titmexxa bis-sulluzzu jew biss per mezz ta’ eżerċizzji fir-relazzjonijiet publiċi. Mill-bidu sal-aħħar, trid titqies bħala strateġija tat-tul.

Ekonomija

Sport