Monday, December 23, 2024

“Min imexxi għandu jara li r-Repubblika tkun tal-poplu, magħmulha mill-poplu u għall-poplu”

Jgħid dan l-Ambaxxatur tal-UNESCO, Mons Joe Vella Gauci

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-idea tar-Repubblika ma tgħix jekk il-poplu ma jissottoskrivix lilu nnifsu għaliha, għax aktar minn kull idea oħra, ir-Repubblika hija mibnija fuq il-poplu.  Għalhekk, kull min huwa mogħni bir-responsabilità li jħares u jħaddem din ir-Repubblika għandu jara kif din ir-Repubblika jżommha tali; Repubblika tal-poplu, magħmulha mill-poplu, għall-poplu.” Dan iddikjarah l-Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO u President tal-Kumitat Festi Nazzjonali u Reġjonali f’Għawdex, Mons Vella Gauci. Hu ddikjara dan waqt iċ-ċelebrazzjoni li tfakkar Jum ir-Repubblika f’Għawdex li saret nhar il-Ġimgħa filgħaxija. 

Qabel ma tgħaddi mit-test taż-żmien, l-ebda idea ma tista’ tiġi mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra.  Fi kliem ieħor, idea trid tiġi mgħarbla u mgħoddija minn passaturi fini.  Hemm dak li jissejjaħ:  il-passatur tal-memorja (jiġifieri, li l-idea ma tiġix minsija), il-passatur tal-falsità (jiġifieri, li l-idea ma tiġix ippruvata żbaljata), il-passatur tal-falsifikazzjoni (jiġifieri, li l-idea ma tiġix kontaminata jew kompromessa), u ultimament, u allura r-raba’ passatur fejn jiġi ppruvat li l-idea beqgħet ħajja, fertili u tirreaġixxi għall-bidla. 

Mela, idea trid tgħix fil-memorja kollettiva tan-nies, imma trid ukoll tgħix fl-azzjonijiet tagħhom.  Huwa biss meta l-poplu jissottoskrivi lilu nnifsu għal idea, li din l-idea tieħu r-ruħ u tikber lil hinn mill-għomor ta’ min ħareġ biha. Din hija riflessjoni ta’ Louise Merzeau, akkademiku u fotografa Franċiża ta’ żmienna, li f’dawn il-ġranet lili fakkritni ħafna fl-idea, fil-kunċett, fil-proġett (sejjaħlu li trid) tar-Repubblika”, sostna Mons Vella Gauci.

Iddikjara li “r-Repubblika ta’ Malta, imwaqqfa fit-13 ta’ Diċembru 1974, eżattament 47 sena ilu. Xi ġralha hi u għaddejja mill-passatur tal-memorja?  Għadna niftakruha tajjeb? Xi ġralha hi u għaddejja mill-passatur tal-falsità?  Ħaditu r-raġun li ma kinitx deċiżjoni żbaljata? Xi ġralha hi u għaddejja mill-passatur tal-falsifikazzjoni?  Bżajna għaliha biex ma tiġix kontaminata jew kompromessa? Għadha ħajja, fertili u tirreaġixxi għall-bidla?”.

Enfasizza li “r-Repubblika ta’ Malta mhix biss l-insinji u l-Kap tal-Istat, għalkemm dawn huma elementi essenzjali u dinjitużi.  Forsi dawn huma l-aktar simboli tar-Repubblika li taw u għadhom jagħtu dehra dinjituża lir-Repubblika Maltija; l-aktar elementi mill-kunċett kollu tar-Repubblika li baqgħu fil-memorja kollettiva tan-nies għax huma elementi viżwali, u fil-każ tal-Kap tal-Istat, element uman. Imma kif tgħid Merzeau, huwa biss meta l-poplu jissottoskrivi (jintrabat u allura jobbliga) ruħu għal idea, li din l-idea tieħu r-ruħ u tikber lil hinn mill-għomor ta’ min ħareġ biha.  U l-poplu Malti… issottoskriva ruħu għal din l-idea tar-Repubblika?”, ikompli jgħid Mons Vella Gauci.

Jiddikjara li “l-ewwelnett irridu niftakru li r-Repubblika Maltija ġiet bħala alternattiva mhux biss għall-monarkija, imma għall-monarkija Ingliża; monarkija barranija.  Mela mhux biss inbidlet is-sistema ta’ rappreżentanza tal-Istat, minn monarkija b’linja ta’ dinastija għal Kap ta’ Stat li jieħu l-ġurament u jinbidel perjodikament, imma nbidel ukoll il-prinċipju li l-Kap tal-Istat Malti mhuwiex aktar barrani imma huwa Malti, li minn fommu jgħid jew tgħid: “Aħna l-Maltin u l-Għawdxin.” F’dan l-aspett, fuq l-aspett patrijottiku u sentimentali, il-poplu Malti issottoskriva ruħu tajjeb ħafna għall-idea tar-Repubblika.  U dan l-affjetament jew din il-qrubija tal-Maltin għar-Repubblika tagħhom, ikolli ngħid li għadha b’saħħitha wara 47 sena.”

Jisħaq li “imma meta niġu biex nirrelataw mar-Repubblika ta’ Malta, lejn xiex qegħdin inħarsu?  Min hi r-Repubblika ta’ Malta?  Il-President bħala Kap ta’ Stat?  Jew aħna l-poplu, bil-President jirrappreżentana? Ir-Repubblika hija aħna l-poplu.  Aħna ċ-ċittadini.  Għalhekk, jekk hemm idea waħda li tassew ma taħdimx mingħajr il-poplu, hija propju din – ir-Repubblika li qegħdin niċċelebraw. F’din l-okkażjoni, fejn fost l-opportunitajiet kollha għandi din li nindirizza lilek, Eċċellenza, u lilkom persuni li lkoll kemm intom fl-oqsma rispettivi tagħkom tikkontribwixxu fil-ħajja soċjali u ċivili tal-pajjiż, dan huwa l-messaġġ li nixtieq inwassal.  L-idea tar-Repubblika ma tgħix jekk il-poplu ma jissottoskrivix lilu nnifsu għaliha, għax aktar minn kull idea oħra, ir-Repubblika hija mibnija fuq il-poplu.  Għalhekk, kull min huwa mogħni bir-responsabilità li jħares u jħaddem din ir-Repubblika għandu jara kif din ir-Repubblika jżommha tali; Repubblika tal-poplu, magħmula mill-poplu, għall-poplu.”

Mons Vella Gauci ikompli jgħid li “dan jista’ jkun ftit aktar ta’ sfida fil-każ tar-Repubblika Maltija fejn il-Kap tal-Istat mhuwiex elett direttament mill-poplu imma magħżul mir-rappreżentanti tiegħu.  Dan, però, ma jnaqqas xejn mill-ħtieġa u l-importanza li r-Repubblika tkun tal-poplu. Fl-istess waqt, meta r-Repubblika ssir tassew tal-poplu, ejja ma nilludux ruħna li s-sitwazzjoni ser tkun faċli.  Iva, hija faċli meta r-Repubblika tant hija tal-poplu li għal nofs ta’ kelma tal-Presidenza, Malta timla l-kaxxa tal-Community Chest Fund.  Dak eżempju feliċi u faċli ta’ meta r-Repubblika hija tal-poplu.  Imma meta l-poplu, għax ir-Repubblika hija tiegħu, jersaq għand il-Kap tal-Istat fuq leġiżlazzjoni jew oħra?  Dik ukoll hija każ fejn il-poplu qed jissottoskrivi ruħu għall-idea tar-Repubblika.  Imma l-isfida tal-operaturi tar-Repubblika hawnhekk ċertament hija akbar.”

Itenni li “mhux il-ħsieb tiegħi li nagħti s-soluzzjonijiet f’diskors tal-okkażjoni, iżda nixtieq li kif il-Professur Merzeau ispirat lili, hekk tkun ukoll ta’ ispirazzjoni għall-operaturi tar-Repubblika Maltija fid-diversi ċirkustanzi li jsibu ruħhom fihom fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-idea tar-Repubblika trid tiġi mgħarbla u mgħoddija minn passaturi fini; u allura mill-passatur tal-memorja (li ma tiġix minsija jew injorata), mill-passatur tal-falsità (li ma tiġix ippruvata żbaljata), mill-passatur tal-falsifikazzjoni (li ma tiġix korrotta jew kompromessa), u  ultimament, trid tibqa’ ħajja, fertili u tirreaġixxi għall-bidla.”

Jgħid li “u jekk l-idea tar-Repubblika qiegħda tassew tgħix fl-azzjonijiet tal-poplu għax il-poplu qiegħed jirrikorri għaliha, kull min huwa mogħni bir-responsabilità li jħares u jħaddem din ir-Repubblika għandu jara kif din ir-Repubblika jżommha tali; iħarisha u jħaddimha skont kif fil-kuxjenza tiegħu jidhirlu li għamilha l-poplu biex isservi lill-poplu.” 

Ekonomija

Sport