Ħabib tiegħi qalli: Int u min hu bħalek – interessati li toħorġu l-kotba – qed tagħżqu fl-ilma. Ħadd m’għadu jaqra l-kotba u l-ftit li għadhom jixtruhom jagħmlu hekk biex jużawhom bħala għamara biex jimlew xi xkaffa. In-nies taqra biss x’issib fuq l-internet mit-telefownijiet li ġġorr jew mil-iskrins tal-laptops li tuża. Minflok taqra rumanzi, drat issegwi s-sensiliet ma jispiċċaw qatt fit-televixin ta’ dawk li fi żmenijiet oħra, konna nsejħulhom telenovelas.
Ftit tista’ targumenta li ħabibi qed jgħid ħażin, talanqas għal Malta. Biss imbagħad issib li ġurnali ewlenin bħan-New York Times u Le Monde jiddedikaw ħafna paġni għal diskussjoni u preżentazzjoni ta’ kotba ġodda ta’ kull tip. Jekk jibqgħu jagħmlu hekk, bilfors li għandhom qarrejja interessati jkunu jafu x’kotba hemm għall-bejgħ.
Kemm se jdumu hekk? staqsa ħabibi, xettiku bħas-soltu. Peress li bħalissa qed naħdem fuq proġett ta’ ħruġ ta’ ktieb mit-twal, ippreferejt ma nħaqqaqhiex miegħu u nibqa’ għaddej.
***
L-EKONOMIJA ĠERMANIŻA
L-aħħar snin ma kinux sbieħ għall-ekonomija Ġermaniża: ġarrbet staġnar serju fis-swieq tagħha. Sa ftit ilu, kienet magna qawwija ta’ esportazzjoni u tkabbir. Illum, kulħadd jirrikonoxxi li teħtieġ impenn ġdid, b’riformi maħsuba biex issir aktar innovattiva u tirranka. Il-kanċellier attwali Merz kien poġġa dis-sena bħala ż-żmien li fih se jqanqal mill-qiegħ ir-romblu industrijali Ġermaniż, ħalli l-istaġnar jintemm u jitlaq it-tkabbir.
Sa issa, is-suċċess kien minimu. It-taħwid li daħħal il-President Trump fil-kummerċ globali bit-tariffi ġodda li beda jifrex ħarbtu l-bigħa. Issa, l-gwerra tal-Iran daħħlet inċertezzi ġodda, mhux l-anqas dwar l-għoli fil-prezzijiet, li bilfors javvelena kull ħidma Ġermaniża biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-impriżi. U l-pass ta’ titjib fil-mod kif l-Unjoni Ewropea iddaħħal u tħaddem ir-regoli ekonomiċi tagħha mhuwiex jirrifletti l-urġenza li l-gvern Ġermaniż jixtieq li jara.
***
STEJJER TA’ GWERRA
Hemm ħaġa li ma tantx tissemma dwar l-istejjer ta’ gwerra li l-ħin kollu… kif ma jistax jonqos… qed nisimgħu dwarhom. Żunżan elettroniku… missili… ajruplani subsoniċi… ċpar tar-radar… bombi mixħuta bil-gżuż, mhux dejjem bi preċiżjoni… bunkers imfarrka… L-aħħar sentejn u aktar, speċjalment l-aħħar tliet ġimgħat… kienu mimlija b’kif dawn l-għodod ta’ gwerra qed ikunu effettivi jew le.
Li m’aħniex qed ikollna tagħrif tajjeb hu dwar kif u kemm l-istejjer li qed jaslulna huma preċiżi u korretti – jekk humiex ċċensurati? Jekk humiex jaslulna bil-fatti mibdula skont il-bżonnijiet ta’ naħa jew oħra? Hu probabbli li l-istess fatti tant qed jiġu mgħawġa li “minn barra” wieħed ftit jista’ jasal għal apprezzament xieraq ta’ xi jkun qed jiġri tabilħaqq.

