Sunday, May 19, 2024

“Min jibża’ jagħti tweġibiet ċari, ikun qed jagħti tweġibiet ċari ħafna”

Mons Anton Gouder lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech

Aqra wkoll

Mons Anton Gouder, wieġeb għall-mod kif tkellem il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech dwar l-abort u ddikjara li “min jibża’ jagħti tweġibiet ċari, ikun qed jagħti tweġibiet ċari ħafna.”

Mons Gouder qal li meta mistoqsi fuq valuri morali u issemma l-abort bħala eżempju, Dr Bernard Grech wieġeb hekk: “ma naħsibx li għandna dritt niddeċiedu kif in-nies għandhom jgħixu ħajjithom.”

Saħaq li “xi jrid ifisser eżatt donnu ma riedx igħid, imma b’li qal jiftiehem xi jrid igħid. Nistaqsi: għaliex qabel l-elezzjoni wieġeb li skont l-istatut tal-Partit, il-Partit huwa kontra l-Abort? Se jibdel l-istatut? X’ġielu jbiddel il-pożizzjoni tiegħu? Ir-riżultat tal-elezzjoni? It-tifsira “tal-politika” skont Aristotle hija “it-tmexxija tal-materji tal-Istat”. Forsi Aristotle huwa antik. Allura x’tifsira “moderna” “tal-politika” irridu nużaw?”.

Tenna li “kif tista’ tmexxi l-Istat mingħajr ma tiddeciedi kif in-nies għandhom jgħixu ħajjiethom? Il-PN fil-500 proposta li ressaq bħala programm elettorali wiegħed li f’bosta oqsma se jiddeċiedi kif in-nies għandhom igħixu ħajjiethom. Insemmi biss żewġ eżempji kbar, il-kaċċa, u l-ippjanar u żvillupp. F’dawn ukoll, wara l-elezzjoni se jgħidulna li “ma naħsibx li għandna dritt niddeciedu kif in-nies ghandhom jghixu hajjiethom?” Qed nisma’ t-tweġiba tgħidli, imma dawk jaffettwaw id-drittijiet ta’ persuni oħra u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Allura fejn jidħlu d-drittijiet ta’ persuni oħra u tal-ġenerazzjonijiet futuri, il-politiċi jistgħu jiddeċiedu kif in-nies għandhom jgħixu ħajjithom? Allura l-qtil tat-tarbija fil-ġuf (jiġifieri l-abort) ma tolqotx id-drittijiet ta’ persuni oħra u tal-ġenerazzjonijiet futuri?”.

Mons Gouder kompla jgħid li “min jibża’ jagħti tweġibiet ċari, ikun qed jagħti tweġibiet ċari ħafna. Min jagħżel li jkun bħall-oħrajn, ineħħilna l-bżonn li nagħżlu lilu flok l-oħrajn.  “Is-Sewwa jirbaħ żgur” kien prinċipju kbir ħafna. Min kien iħaddnu u jxandru, bata ħafna f’ġildu, fil-familja tiegħu, minn ġewwa u minn barra. Rebaħ, imma mhux mill-ewwel u kien lest ibati għal tul ta’ żmien.”

Sport