Il-Gvern ħabbar liġi ġdida li se tkun qiegħda tirregola l-aġenziji tax-xogħol magħrufa bħala temping agencies. B’dan il-mod se tkun qiegħda titwettaq wegħda elettorali oħra tal-Manifest Elettorali ‘Malta Flimkien’ li tgħid li se tkun qed tiddaħħal liċenzja sabiex tirregola l-aġenziji ta’ xogħol temporanju bil-għan li jkun hemm kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi għall-impjegati tagħhom.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza stampa li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul. Huwa fakkar li sa ftit tal-ġimgħat ilu kellna sitwazzjoni u min ried seta’ jqum filgħodu u mingħajr l-ebda forma ta’ kontroll seta’ jiddeċiedi li jġib ħaddiema barranin f’pajjiżna biex jaħdmu ma’ kumpaniji.
Huwa spjega li l-għan tar-regoli l-ġodda huma li dawn l-aġenziji li jimpjegaw ħaddiema, Maltin u barranin, ikunu rregolati b’reġim legali robust li jassigura li din il-prattika ssir skont il-liġijiet tax-xogħol, inkluż il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u r-reklutaġġ etiku.
Dan filwaqt li l-awtoritajiet ikollhom viżibbiltà u moniteraġġ tal-operaturi kollha fis-settur u jiġu lejn il-pajjiż biss dawk il-ħaddiema li huma meħtieġa u jkun hemm liġijiet b’saħħithom li jevitaw l-abbuż tal-istess ħaddiema.
Il-kumpaniji li ma jkollhomx jew jitilfu din il-liċenzja jiġu skwalifikati minn kuntratti pubbliċi u ma jkunux awtorizzati jġibu ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. Aġenziji li jinqabdu jiksru l-liġijiet tal-imigrazzjoni, jew il-liġi tax-xogħol u ma jirrimedjawx, jitilfu l-liċenzja biex joperaw.
X’jgħidu dawn ir-regoli ġodda?
- • L-Aġenziji tax-xogħol iridu japplikaw għal-liċenzja kull sena (€3,000 l-ewwel darba u €1,500 ma’ kull renewal).
• Hemm obbligu li kull Aġenzija jkollha competent person li jrid ikun Malti jew Ewropew u li għandu numru ta’ snin ta’ esperjenza u/jew degree f’HR.
• Se jsir eżerċizzju ta’ diliġenza, bl-għajnuna tal-Pulizija, fuq l-applikanti, il-competent person u d-Diretturi tal-kumpanija qabel tinħarġilhom il-liċenzja biex joperaw.
• L-Aġenzija trid topera minn ġo fond li jkun approvat skont il-liġi;
• L-introduzzjoni ta’ garanzija bankarja (din ma tapplikax għal Aġenziji li joffru biss recruitment) ta’ €20,000 + 2% tal-payroll. Din hija maħsuba biex tiżgura l-konformità minn kwalunkwe Aġenzija ta’ xogħol matul it-terminu tal-liċenzja u biex tassigura ħlas lill-ħaddiema li jispiċċaw mingħajr xogħol.
• L-Aġenziji li tittiħdilhom il-liċenzja jiġu black listed u ma jistgħux jitfgħu offerti għal tenders tal-Gvern jew iġibu ħaddiema minn barra l-UE.
• It-temping agents ma jistgħux jitolbu ebda pagament lill-ħaddiema biex jiġu f’Malta. Lanqas jistgħu jimpjegaw persuni meta jkollhom l-għarfien li dawn il-persuni jkunu ħallsu l-flus sabiex jiksbu dak l-istess impjieg.
• L-Aġenzija Identità mhu se taċċetta l-ebda applikazzjoni għal ħruġ ta’ single permit mingħand Aġenzija li ma jkolliex liċenzja.
• Se jkun hemm pieni ħorox u rivokazzjoni tal-liċenzja għal min jinqabad jagħti servizz mingħajr il-liċenzja meħtieġa jew jikser il-kundizzjonijiet stabbiliti tal-liċenzja. Hemm istanzi fejn il-liċenzja tittieħed mal-ewwel. Repeat offenders tiddiħdilhom il-liċenzja. Multi minn €5,000 sa €30,000 għal min jinqabad jikser il-provedimenti tal-liġi.
• Mhux ser ikun possibbli li individwi jew kumpaniji jużaw servizzi ta’ Aġenziji li ma jkunux awtorizzati jagħmlu dan ix-xogħol.
L-applikazzjonijiet jibdew jintlaqgħu mid-DIER wara l-1 ta’ Jannar 2024, il-liġi tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2024, u f’Ġunju 2024 it-temping agencies kollha jrid ikollhom kollox konformi biex joperaw.