Waqt li kompliet id-diskussjoni b’rabta mal-estimi finanzjarji għall-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, il-kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-infrastruttura Ryan Callus elenka tliet toroq partikolari li ngħataw tarmak ġdid iżda diġà għandhom it-tiċrit. Dawn huma Mdina Road, Triq Manwel Dimech u Triq Ħal Qormi. Huwa saħaq li dawn ma sarux sewwa u li dan huwa evidenza li m’hemmx investiment fit-tul fl-infrastruttura tal-pajjiż. Hawnhekk huwa għamel appell lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali fejn din id-darba talbu biex is-servizzi nibdew ngħadduhom fil-ġnubijiet tat-toroq minflok min-nofs tat-triq u biex “minflok isiru żewġ toroq, aħjar nagħmlu triq waħda u sewwa”.
Il-kelliem fl-Oppożizzjoni attakka strateġija tal-Gvern li biha f’10 snin l-għan huwa li l-vittmi fit-toroq minn 10 fl-2024 jonqsu għal ħamsa. “Illum diġà għandna 24 u għadha ma spiċċatx is-sena. Minn 24 mewta, din is-sena żewġ terzi tal-vittmi ttajru u qiegħed ngħid li s-sitwazzjoni ggravat mill-fatt li t-traffiku qiegħed u se jkompli jiggrava,” wissa Callus. Huwa lmenta li l-proġett tal-metro waqaf wara li sar studju li għalih intefqu l-miljuni u li l-Gvern ma semma’ xejn fil-Budget 2023 dwar proġetti li għandhom x’jaqsmu ma’ trasport tal-massa.
Responsabbiltà lejn il-qraba tal-vittmi…
“Il-Gvern għandu jifhem li jekk f’dan il-pajjiż m’aħniex se ninvestu fit-trasport tal-massa, il-pajjiż m’huwa sejjer imkien u l-inċidenti se jkomplu jiżdiedu u magħhom l-imwiet. B’responsabbiltà ngħid li dan huwa suġġett ta’ importanza nazzjonali kbira u l-PN lest jagħti l-kontribut tiegħu ħaalli naslu għal ftehim fuq strateġija fit-tul. Nifhem li ma tistax tiġi implimentata f’leġislatura waħda u għaldaqstant nappella għal sens komun bejn iż-żewġ naħat tal-kamra. Faċli nitkellmu fuq il-vittmi imma għandna responsabbiltà lejn il-qraba tal-istess vittmi,” insista Callus.
Fi tmiem l-intervent tiegħu Callus indirizza t-tniġġis fl-arja kkawżat mit-traffiku ta’ trab u biċċiet tat-tyres li jitħallew fit-toroq u “qiegħed jispiċċa fin-nifs tagħna”. Huwa kkwota lill-Forum Ekonomiku Dinji fejn ingħad li għall-ewwel darba qegħdin isibu traċċi fl-organi ta’ żgħażagħ li qatt ma pejpu.