Tuesday, April 23, 2024

€160,000 lill-eredi ta’ żagħżugħ li miet b’overdose ta’ eroina

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale kkundannat lil Mario Magri jħallas €160,000 lill-ġenituri ta’ żagħżugħ li kien tilef ħajtu b’overdose ta’ droga, wara li l-istess Qorti ddikjarat li kien Magri li pprovdielu d-droga. 

Adolf Farrugia, li kellu 21 sena, kien instab mejjet fuq sodda fil-garaxx ta’ missieru f’Ħal Safi riżultat ta’ overdose ta’ droga eroina, nhar it-22 ta’ Awwissu 1999. Dakinhar, jikkonsma d-droga miegħu kien hemm Magri, li wkoll kien intilef minn sensih. Meta eventwalment reġa’ qam, sab lil sieħbu mejjet u ħarab ‘il barra mill-garaxx. 

Lura f’Ottubru tal-2006, il-Qorti tal-Maġistrati sabet lil Magri ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fosthom li bi traskuraġni kkawża l-mewt ta’ Farrugia u kien ikkundannat tliet snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ Lm2,000. 

Din is-sentenza kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali f’Mejju tal-2009. F’Ottubru tal-istess sena, il-ġenituri tal-vittma, Emanuel u Margaret Farrugia, fetħu kawża ċivili b’kumpens għad-danni li sofrew. Min-naħa tiegħu, Magri qatt ma xehed f’din il-kawża iżda għażel li jistrieħ prinċipalment fuq provi dokumentarji. 

Mill-provi mressqa fil-Qorti, ħareġ li l-Pulizija kellhom indikazzjoni ċara li Magri kien involut b’xi mod fil-mewt ta’ Farrugia sitt snin wara li dan kien instab mejjet. Dan wara li ċertu Paul Busuttil, ħabib kemm ta’ Magri kif ukoll Farrugia, kien għadda informazzjoni importanti.

Il-Qorti semgħet kif Magri kien mar jiltaqa’ ma’ Farrugia biex jikkonsmaw id-droga flimkien, l-istess droga li Magri, flimkien ma’ Busuttil, kien akkwista mingħand “iċ-Ċikli” aktar kmieni dakinhar li seħħ il-każ. 

Wara li Magri u Farrugia ntilfu minn sensihom hekk kif ħadu d-droga, tal-ewwel meta reġa’ ġie f’sensih u sab lil sieħbu mejjet, flok għajjat għall-għajnuna, mesaħ lil Farrugia u ħarab mill-garaxx wara li pprova mingħajr suċċess jaħrab minn xi mkien ieħor.

Maggie Farrugia, omm Adolf, imbikkma wara s-sejba ta’ binha mejjet

Kemm id-droga kif ukoll is-siringa li kien uża Farrugia, dakinhar li għamel overdose u eventwalment miet, Magri ħadhom miegħu meta ħarab mill-garaxx u remihom fi skip f’lokalità ‘l bogħod. Il-garaxx fejn miet Farrugia kien f’Ħal Safi waqt li d-droga remiha ġo skip fil-Mosta.

Mill-istqarrija ta’ Busuttil, ħareġ li Magri kien stqarr miegħu li huwa kien mesaħ lil Farrugia meta sabu mejjet biex ineħħi l-“fingerprints” tiegħu minn fuq il-ġisem mejjet ta’ Farrugia u dan bil-għan li l-Pulizija ma jkollhomx provi li jimplikawh.

Għalhekk il-Qorti qalet li ma kellha l-ebda dubju li d-droga kkunsmata mill-vittma u li eventwalment miet biha kienet ipprovduta lilu minn Magri u ma kellha ebda dubju wkoll li bi traskuraġni tiegħu kkawża l-mewt tal-istess Farrugia. 

Mill-banda l-oħra qieset li daqs kemm huwa responsabbli Magri li pprovda d-droga hu lil Farrugia, daqstant ieħor kien responsabbli Farrugia li kien lesta d-droga biex tintuża u amministraha. 

“Għalkemm huwa minnu li l-intimat (Magri) huwa resposabbli għall-mewt ta’ Adolf Farrugia, ir-responsabbiltà tiegħu għandha tieħu inkonsiderazzjoni n-negliġenza kontributorja ta’ Farrugia fid-dawl tal-fatt li pprepara d-doża tal-eroina li eventwalment qatlitu, u għalhekk l-intimat għandu jkollu d-danni lilu nflitti mnaqqsa bin-nofs,” qalet il-Qorti. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li żamm lil Magri responsabbli għall-mewt ta’ Farrugia, l-Imħallef Depasquale kkundannah iħallas lill-ġenituri tal-vittma s-somma ta’ €160,000 f’danni.

Sport