Il-Ministru fakkret li s’issa għandna sitwazzjoni fejn ir-reat magħruf bħala reat ta’ mibegħda huma koperti bih ħafna nies imma persuni b’diżabbiltà mhumiex inklużi fil-liġi.
Dan ifisser li ċirkustanzi, fejn persuna b’diżabbiltà tiġi mgħajra, intimidata jew redikolata minħabba d-diżabbiltà tagħha u l-Pulizija jkollhom idejhom marbutin.
Għaldaqstant il-Ministru qalet li l-gvern qiegħed jipproponi li jinbidel il-kodiċi kriminali biex jitqies reat illi persuna juża kliem jew imġiba li jinsulentaw, jabbużaw jew jheddu persuna oħra, jew bil-fomm jew bil-kitba, u speċifikament meta tali mgiba jew kliem ikunu mnissla minn mibgħeda.
Mhux biss, jitqies reat ukoll li wieħed jipprova jagħti l-impressjoni li qisu xejn mhu xejn, jew saħansitra jinnega li qatt saret xi ħaġa ħazina, jew anke japprova mill-aġir jew il-kliem li jkun imnissel minn mibgħeda, kemm jekk kontra persuna waħda kif ukoll jekk kontra grupp ta’ persuni li jkollhom l-istess karatteristika.
Bħalissa l-liġi kriminali testendi din il-protezzjoni ghal numru differenti ta’ gruppi fis-soċjetà, fosthom dawk etniċi, dawk b’orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru li ma jkunux bħall-maġġoranza. “Iżda dan il-Gvern irid ikompli jixpruna riformi li bihom persuni b’diżabbiltà jingħataw verament dik id-dinjità bi strutturi li jipproteġuhom biex f’għajnejn il-liġi jkunu daqs ħaddieħor”, sostniet Farrugia Portelli.
Il-Ministru qalet li qegħdin ngħixu realtà fejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u l-Pulizija jeħtieġ ikunu kreattivi biex jindirizzaw ilmenti dwar reati ta’ mibegħda. Spjegat li għalkemm il-Korp ikun ta’ sostenn, minħabba li m’hemmx bażi legali qiegħed ikun imwaqqaf milli jgħaddi l-każi lit-taqsimiet konċernati. Hija żiedet tgħid li biex jippruvaw jkunu ġusti dawn qegħdin jaraw x’reati oħra minuri jistgħu jintużaw biex persuna tkun tista’ tiġi mixlija.