Sunday, April 20, 2025

Mingħajr imħabba, dedikazzjoni, sagrifiċċju u passjoni tal-individwu f’kull qasam, tkun difficli biex wieħed jagħmel pass ‘il quddiem fil-futbol’ – Carmelo Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet mindu kont żgħir dejjem niġri ma’ missieri naraw il-logħob ta’ AC Milan. Immur narah jilgħab, niċċekkjaw it-teletext dak iż-żmien biex naraw ir-riżultati u naraw il-highlights fuq programm Taljan biex insegwu l-gowls. Qabel ma bdejt man-nursery konna nilagħbu barra u fil-bitħa d-dar.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kirkop United FC.

F’dawn l-aħħar sentejn l-esperjenza tiegħi ma’ Kirkop kienet waħda pożittiva  u ta’ sfida fejn mill-ftit li naf nipprova ngħin lil żgħażagħ li għadhom telgħin. Ħaġa li nipprova ntambrilhom hi li l-karriera tal-futbol tgħaddi malajr u jippruvaw jagħtu kollox kull staġun għax ma jerġax jiġi lura. Apparti hekk minkejja t-tlugħ u nżul dan l-istaġun, irnexxielna nerġghu nistabilixxu ruħna fin-Natioanal Amateur League 1.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istagun li issa wasal lejn it-tmiem tiegħu? 

Dan l-istaġun kien fih ħafna diffikultajiet b’tibdil ta’ staff, kowċ u plejers. Peró, xorta waħda bqajna magħquda u rnexxielna nilħqu dak li xtaq il-klabb. Minkejja li fadal logħba għal tmiem il-kampjonat, irnexxielna niksbu s-salvazzjoni kmieni.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il livell tal-futbol Malti dejjem narah li qed jogħla. Illum hawn ħafna mezzi biex min ikun irid jiżviluppa u jitgħallem il-logħba. Iż-żgħażagħ li telgħin għandhom opportunitajiet li jekk jużaw l-mezzi tajba bi ftit dedikazzjoni, gwida u dixxiplina jistgħu jaslu. Peró, inutli dan kollu mingħajr passjoni u mħabba lejn il- futbol. Dawk huma l-qofol f’kollox!

U dak tal-grawnds fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-grawnds fejn nilagħbu l-logħob tagħna, ngħidu d-dritt jistgħu jinżammu fi ftit kundizzjoni aħjar. Bi ftit qbil jista’ jkollna l-affarijiet bażiċi. Xejn kbir imqar ‘showers’ b’misħun u pressa, dressing rooms ftit akbar, tixrib tal-art sintetika tal-grawnd qabel il-partiti minħabba injuries u ndafa. L-affarijiet marru ‘l quddiem biex ngħidu s sewwa imma dejjem fadal xi jsir. Pass pass bi ftehim u impenn, l-affarijiet jistgħu imorru għall-aħjar, filwaqt li nifhem li l-ispejjeż huma kbar għal kulħadd.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Fil-futur nixtieq nibqa’ nilgħab sakemm nibqa’ b’saħħti,  kemm żmien f’idejn il-Bambin. Apparti hekk nixtieq u bdejt il-karriera ta’ kowċ u għamilt l-ewwel żewġ korsijiet li jipprovdu l-MFA.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Għalkemm din il-mistoqsija kulħadd jaħseb li ddur ma’ min ikun plejer, jekk ma ssirx plejer, ma tkunx waqgħet id-dinja! Il-futbol jinvolvi diversi individwi li jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fil-logħba … min fil-pitch, u min barra minnu. Kulħadd huwa importanti, jekk hux kowċ ta’ tim tat-tfal li jrid jgħallem l- elementi bażiċi tal-logħba, jekk hux kit manager, match analyst, kowċ tal-goalkeepers, team manager, president, fiżjo-terapista, physical trainer eċċ. Dawn huma ftit nies li huma importanti u jgħinuna fil- perkors tal-karriera ta’ plejers. Apparti hekk, mingħajr imħabba, dedikazzjoni, sagrifiċċju u passjoni tal- individwu f’kull qasam, tkun difficli biex wieħed jagħmel pass ‘il quddiem fil-futbol!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport