Saturday, December 21, 2024

Ministru jgħum għal 12-il siegħa wara li ħelikopter iġġarraf fil-baħar

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ministru tal-Gvern ta’ Madagascar qal li kellu jgħum għal 12-il siegħa wara li ħelikopter tiegħu ġġarraf fil-baħar waqt missjoni ta’ salvataġġ.

“Għadu mhux iż-żmien tiegħi li mmut,” qal il-Ministru Serge Gelle waqt li kien qed jingħata l-kura fuq stretcher. Żewġ uffiċjali oħra tas-sigurtà li kienu qed jivvjaġġaw miegħu b’xorti tajba rnexxielhom ukoll isalvaw.

It-tim ta’ salvataġġ kien qed jesplora żona fil-Grigal tal-pajjiż fejn kienet għerqet dgħajsa tal-passiġġieri. Uffiċjali qalu li dakinhar kienu mietu minn tal-inqas 39 persuna.

Fuq Twitter, il-President Andry Rajoelina sellem lil dawk li tilfu ħajjithom u sellem ukoll lil Gelle u liż-żewġ uffiċjali l-oħra, li kienu waslu fil-belt ta’ Mahambo separatament.

Għalkemm għadu mhux ċar x’wassal għall-inċident tat-Tnejn li għadda, is-Sur Gelle, li għandu 57 sena, qal li wara l-inċident huwa għam mis-“7.30 ta’ filgħaxija sas-7.30 ta’ filgħodu.” Huwa qal li ma kellu l-ebda ġrieħi iżda kien qiegħed iħoss il-bard.

“Nixtieq li nxandar dan il-filmat għall-familja tiegħi, sħabi u l-membri tal-Gvern biex jarawh. Jiena għadni ħaj u ninsab tajjeb,” qal Gelle lir-residenti ta’ Mahambo.

Il-Kap tal-Pulizija Zafisambatra Ravoavy qal lill-midja li s-Sur Gelle uża wieħed mis-seats tal-ħelikopter biex iserraħ fuqu. “Huwa dejjem kellu stamina kbira fl-isport, u żamm dan ir-ritmu anke bħala Ministru, bħal raġel ta’ 30 sena… bniedem li kapaċi jikkontrolla l-biża’ u jibqa’ kalm f’sitwazzjonijiet bħal dawn.” 

Is-Sur Gelle kien serva fil-pulizija għal tliet deċennji qabel ma nħatar bħala Ministru f’Awwissu li għadda.

Ekonomija

Sport