Saturday, December 28, 2024

Ministru jħeġġeġ lill-ġudikanti jaħdmu iktar it-Tnejn u l-Ġimgħa

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħeġġeġ lill-imħallfin u lill-maġistrati biex jisimgħu iktar kawżi nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa.

Huwa għamel dan l-appell waqt s-seduta parlamentari tal-Erbgħa filgħaxija li iddiskutiet tibdil tekniku fil-liġi ċivili relatata mal-ittri uffiċjali u l-kambjali.

Zammit Lewis kien qed iwieġeb għat-talba tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi biex l-awtoritajiet jindirizzaw il-kju li qed ikun hemm filgħodu quddiem il-Qorti.

Il-ministru responsabbli mill-ġustizzja beda biex semma kif matul il-pandemija l-Qorti mexa tajjeb u għamilha ċara li ma kienx se jindaħal fil-mod kif jitqassmu l-kawżi.

Fl-istess ħin huwa irrimarka li t-tendenza hi li l-Qorti tkun mimlija nhar ta’ Tlieta, Erbgħa u Ħamis u kien hawnhekk li sostna li t-Tnejn u l-Ġimgħa huwa ż-żmien li l-Qorti jaħdem ukoll.

Zammit Lewis sostna wkoll li jekk hemm bżonn għandu jkun hemm xiftijiet wara nofsinhar biex jiżdied il-ħin meta jinstemgħu l-kawżi u b’hekk tiġi indirizzata l-problema msemmija minn Azzopardi.

Huwa irrefera wkoll għan-numru ta’ ġudikanti fejn semma kif biż-żieda fl-età tal-pensjoni minn 65 sena għal 68 sena l-Gvern assigura li fl-24 xahar li ġej sitt imħallfin se jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu minflok ikunu kostretti jirtiraw.

Fl-istess waqt li semma kif il-Gvern qed jikkunsidra li jaħtar aktar ġudikanti huwa għamilha ċara li ma jridx ikun hemm min jaħseb li l-effiċjenza hija marbuta man-numru u appella lill-imħallfin u lill-maġistrati biex ikunu aktar effiċjenti f’xogħlhom.

Zammit Lewis irrefera għad-dritt tal-Gvern li 10 ijiem qabel ċittadin jiftaħ kawża kontrih irid ikun infurmah b’ittra uffiċjali u nsista li dan isir biex il-Gvern ikun jaf x’qed jippretendi l-istess ċittadin.

Dwar il-liġi li tirregola l-professjoni tal-avukati huwa qal li l-Gvern għandu l-ideat tiegħu kif dan isir imma s’issa m’hemmx qbil mal-Kamra tal-Avukati.

Fir-rigward ta’ sentenza ta’ żgumbrament b’rabta ma’ qbiela li tikkonċerna bdiewa u raħħala huwa semma kif qed jaħdem mal-ministru responsabbli mill-biedja Anton Refalo u daqt se titressaq memo fil-kabinett biex l-istess sentenza tkun diskussa waqt li semma kif qed isegwu wkoll l-iżviluppi fil-Qorti b’rabta ma’ sentenzi fuq kirjiet ta’ qabel l-1995.

Zammit Lewis qal li l-Oppożizzjoni żgur ma tistax tikkritika li ma ħadimx fil-11-il xahar li ilu responsabbli mill-qasam tal-ġustizzja għax matulhom ressaq 40 abbozz ta’ liġi.

Min-naħa tiegħu l-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar il-ġustizzja Jason Azzopardi beda biex qal li huma jaqblu mal-emenda li kien qed iressaq il-Gvern.

Huwa qal li xtaq jitkellem dwar oqsma oħra fosthom li fil-preżent biex ċittadin jiftaħ kawża kontra l-Gvern irid javżah minn 10 ijiem qabel u anke jekk ikollu raġun imma ma jagħmilx dan jitlef il-kawża.

Azzopardi għamilha ċara li din ilha mill-1981 u ma jistax jifhem għaliex gvern wara ieħor ma bidilhix waqt li sejħilha inġustizzja kontra ċ-ċittadini.

Huwa semma wkoll kif kien hemm sentenza tal-Qorti li wasslet biex kien hawn l-ewwel żgumbrament ta’ persuna mill-post fejn kien joqgħod għax ma kellux dritt.

Azzopardi qal li din se taffettwa l-aktar il-bdiewa u raħħala u waqt li sostna li ma jifhimx fit-TikTok iddeskriva s-sitwazzjoni bħala bomba tal-ħin għax se jkollna problema soċjali.

Id-deputat Nazzjonalista xebbaħ is-sitwazzjoni ma’ ċerva li tieqaf f’nofs ta’ triq u għalkemm tkun ġejja karozza bil-‘brights’ mixgħul f’għajnejha hija tibqa’ fejn tkun u tittajjar.

Azzopardi talab ukoll lill-Gvern biex jindirizza l-kju twil li qed ikun hemm quddiem il-Qorti filgħodu u sostna li f’ebda pajjiż fl-Ewropa ma tara dan il-kju.

Ekonomija

Sport