“L-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Tel Aviv, kif ukoll ir-Rappreżentant tagħna ġewwa l-Palestina, qegħdin f’kuntatt kontinwu mal-Maltin li ddeċidew li jibqgħu l-Iżrael u l-Palestina. Huwa mifhum li ħadd ma wera interess li jiġi lura Malta, filwaqt li huwa kkonfermat li kulħadd jinsab tajjeb.”
Iddikjara dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg meta mitlub jikkummenta dwar x’inhi l-pożizzjoni tal-komunità Maltija li hemm tgħix bħalissa fl-Iżrael fil-kuntest tal-kunflitt li issa riesaq lejn it-tieni ġimgħa tiegħu.
Il-Ministru kompla biex jikkonferma ma’ dan is-sit li l-biċċa l-kbira tal-Maltin ġewwa l-Iżrael jinsabu Ġerusalemm, kif ukoll fit-Tramuntana – fuq il-Muntanja tal-Beatitudnijiet, Haifa u Nazaret. Hemm żewġ familji Maltin fit-Tramuntana, ġewwa Afula u Haifa, professur f’Beersheba, kif ukoll familja waħda f’Tel-Aviv.
Fil-Palestina, hemm soru f’kunvent ġewwa Betlehem. Minkejja d-deċiżjoni tagħhom, minn żmien għal żmien l-Ambaxxata qiegħda tagħmel kuntatt magħhom biex taċċerta li jinsabu tajbin.
Dwar x’jista’ jkun l-impatt ta’ dan il-kunflitt fuq Malta meta pajjiżna dejjem ħanbqet biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitti fir-reġjun tal-Mediterran, il-Ministru qal li din hija sitwazzjoni delikata u sensittiva immens, fejn wieħed għandu jiddistingwi l-Hamas, mill-bqija tal-Palestinjani.
“Għandna b’mod kategoriku nikkundannaw l-atti atroċi tal-Hamas filwaqt li nħeġġu lill-Iżrael sabiex tirritalja b’mod proporzjonat għad-difiża personali f’konformità mal-obbligi tal-liġi internazzjonali”, kompla Borg filwaqt li żied li Malta se tkompli tuża l-pożizzjoni tagħha bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tikkundanna l-vjolenza, tappoġġja r-rażan u waqfien mill-ġlied immedjat, ir-ritorn tal-ostaġġi, u diskussjoni serja bejn iż-żewġ partijiet sabiex tinstab soluzzjoni mingħajr aktar dewmien.
Il-Ministru Malti enfasizza li Malta dejjem saħqet li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran. Mill-banda l-oħra, il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina jista’ jkollu implikazzjonijiet għall-istabbilità reġjonali, u dan jista’ jkollu impatt indirett fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran.
F’dan il-kuntest li Malta dejjem addottat li ma jistax ikun hemm sigurtà u prosperità fil-Mediterran jekk ma jkunx hemm il-paċi fl-Ewropa, Borg spjega li bħala pajjiż nemmnu li politiki u inizjattivi proattivi huma meħtieġa biex jipproteġu s-sigurtà, l-istabbilità, u l-prosperità fil-Mediterran, u rridu naħdmu flimkien biex nevitaw li tinbed kriżi fi ħdan kriżi. F’dan ir-rigward, pajjiżna se jibqa’ jenfasizza bil-qawwa l-impenn kostanti mal-imsieħba reġjonali tiegħu, li huwa l-uniku mod vijabbli ’l quddiem.
Il-Ministru kompla jelabora li b’dan l-impenn tagħna fl-indirizzar tal-isfida tal-migrazzjoni huwa aspett ieħor tal-impenn ta’ Malta fil-Mediterran, u sfida globali li tolqot lilna lkoll. Bħala wieħed mill-istati membri tal-UE l-aktar affettwati direttament mill-flussi migratorji, Malta dejjem emmnet fl-importanza tas-solidarjetà fost in-nazzjonijiet Ewropej.
“Malta, flimkien mal-UE, ħadmet bla heda biex issib soluzzjonijiet komprensivi u umani għal din il-kwistjoni kumplessa, inkluża kooperazzjoni akbar mal-pajjiżi Mediterranji ta’ oriġini u ta’ tranżitu”, temm jgħid ma’ dan il-ġurnal il-Ministru Borg.