“Xtaqt naqsam ħsieb bit-tama li jasal il-messaġġ (pożittiv) għand min għandu jasal. Kemm tifraħ qalbi, u wisq iktar Faith, meta tiltaqa’ ma’ nies li minkejja li jafu bil-limitazzjonijiet tagħha, xorta waħda jemmnu fiha u jilqgħuha b’idejhom u qalbhom miftuħa biex jgħallmuha. Iħarsu lil hinn mid-diżabilta ta’ Faith u kull farka progress li tagħmel magħhom jifirħu għaliha bħal ma nagħmlu aħna.”
Hekk stqarret omm Faith fuq il-paġna ta’ tifla li minkejja kollox baqgħet tiġbed l-ammirazzjoni ta’ bosta.
“Bħala omm, naf lil binti iktar minn kulħadd u nemmen fil-potenzjal tagħha, għal dak li hu, b’qalbi kollha. Il-limitazzjonijiet qatt u qatt m’jien se npoġġihomlha f’ħajjitha jien iżda tgħallimt inżomm saqajja mal-art u naċċetta l-fatt li Faith għandha bżonnijiet differenti. Ma nsusx wara eżamijiet u kwalifiċi imma nagħmel ċert li tgħix ħajja mimlija b’dak li verament tħobb,” tkompli tikber omm Faith
Tgħid li inutli nitkellmu fuq l-inklużjoni jekk meta niġu għall-fatti insibu miljun skuża. Li tgħallem tfal b’diżabilta – hi x’inhi d-dixxiplina, sport, passatemp, instrument, sejjaħlu li trid – huwa perkors li fih l-isfidi tiegħu. Mitt darba u elf. Ngħixuha kuljum f’kull qasam ta’ ħajjet Faith. Pero Faith u tfal oħra bi bżonnijiet differenti għandhom dritt li jitgħallmu daqs kull tifel u tifla oħra.
“Inħossni realistika biżżejjed biex naf li mhux faċli, la għall-għalliema u lanqas għal Faith! Hija sfida fiha nnifisha. Sfida li jekk tħalli l-frott, tagħti sens ta’ sodisfazzjon kbir.
Iva għalkemm huwa dritt ta’ tfal li jinagħtaw iċ-ċans li jitgħallmu, xorta waħda nitla’ s-sema meta nsib lil min jagħti ċans lil Faith, għax kif jgħid il-Malti, bejn il-kliem u l-fatti, hemm baħar jikkumbatti! U dan il-qawl, sfortunatament, kelli nużah ta’ spiss f’dawn l-aħħar seba’ snin!
Għal dawk li jemmnu, li jagħtu ċans, li imqar jippruvaw – GRAZZI! Intom it-tama tagħna u l-eżempju għal dawk li għadhom lura biex jattwaw l-inklużjoni,” ittemm tikbet ommha

